961 liċenzja ġdida tal-muturi fl-aħħar ħames snin
Fl-aħħar ħames snin jiżdiedu b'mod drastiku l-muturi fit-toroq Maltin. Imma s-sewwieqa tal-muturu x'diffikultajiet għadhom isibu?
minn Sarah Debattista
Il-mutur huwa mezz ta’ trasport ta’ kif persuna tivvjaġġa minn post għall-ieħor faċilment, mingħajr wisq inkwiet ta’ ħin mitluf fit-traffiku. Huwa evidenti li l-muturi żdiedu b’mod drastiku tul dawn l-aħħar snin f’pajjiżna.
Fil-fatt, statistika mogħtija lil din il-gazzetta minn Transport Malta turi li nħarġu 961 liċenzja ġdida tal-muturi f’dawn l-aħħar ħames snin. Wara li f’Jannar tal-2015 ġiet introdotta l-inizjattiva l-ġdida mill-Gvern biex iktar persuni jużaw muturi, inħarġu 3,568 liċenzja taħt il-kategorija B111. Din l-inizjattiva ġiet fis-seħħ bl-għan li tonqos il-problema tat-traffiku.
Huwa fatt magħruf li l-muturi jgħinu fl-atteġġjament tat-traffiku minħabba l-għamla żgħira u l- effiċjenza tal-vettura nnifisha. Bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, sewwieqa li diġà għandhom il-liċenzja B, jistgħu jsuqu muturi sa massimu 125cc wara biss 10 sigħat ta’ taħriġ minn għalliema kwalifikati.
Jitkellem sewwieq tal-mutur…
L-ILLUM tkellmet ma’ Luke Zerafa, sewwieq tal-muturi. Zerafa ilu juża l-mutur bħala l-mezz prinċipali ta’ trasport għal dawn l-aħħar sitt snin. Zerafa qalilna “Nagħżel li nsuq mutur u mhux karozza għall-fatt li jagħtini aktar pjaċir u għax fih inqas spejjeż”. Kompla jżid jgħid li bil-mutur jiffranka ħafna traffiku, għalkemm “ma tistax taqbeż lil min trid fit-traffiku kif ġieb u laħaq.”
Zerafa kellimna dwar xi fatturi li jtellfuh waqt is-sewqan, fosthom it-trab u ż-żrar li ċertu inġenji tal-kummerċ iħallu warajhom. “Il-ħin kollu nara nies fuq il-mowbajls, saħansitra fuq Facebook waqt li qed isuqu.” Zerafa kompla jgħid kif permezz tal-mutur jiġi qrib ħafna tal-vetturi tant li jkun jista’ jara sew x’qed jagħmlu. Is-sewwieq stqarr magħna li ġieli kien involut f’inċidenti tat-traffiku iżda xorta jagħżel li jibqa’ jivvjaġġa bil-mutur.
Staqsejnieh jekk jaħsibx li t-toroq ta’ Malta humiex addattati għas-sewwieqa tal-muturi. It-tweġiba tiegħu kienet: “naħseb li hawn wisq ġenn fit-toroq u kulħadd irid jasal malajr, minħabba f’hekk trid toqgħod attent ħafna iktar għax ġieli anqas jintebħu bik il-karozzi”. Kompla jgħid li, is-sewwieqa tal-karozzi qed ikunu iktar konxji fis-sewqan tagħhom potenzjalment minħabba l-inċidenti fatali li seħħew f’dawn l-aħħar snin. Zerafa temm b’messaġġ għal dawk li mħajra jġibu l-liċenzja tal-mutur “moħħkom hemm u suqu bil-galbu”.
Żieda ta’ inċidenti fatali b’muturi…
Informazzjoni li kien ippubblika l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta turi li, bejn Jannar u Marzu tas-sena l-oħra kien hemm 19.4% ta’ inċidenti fatali b’muturi b’persuna waħda titlef ħajjitha. Fl-istess perjodu ta’ din is-sena, naraw żieda ta’ fatalitajiet b’muturi bil-persentaġġ jitla’ għal dak ta’
23.7%. Filfatt, żewġ persuni tilfu ħajjithom b’mutur sa Marzu ta’ din is-sena.
Is-sigurtà fit-toroq, Transport Malta…
L-ILLUM tistaqsi lil Transport Malta dwar x’qed isir sabiex
tiżdied iktar sigurtà fit-toroq għas-sewwieqa tal-muturi.
Transport Malta twieġeb li f’dawn l-aħħar snin implimentat bosta miżuri ġodda kif ukoll kampanji, bl-għan li tiżdied ikar sigurtà fit-toroq Maltin. Fost il-miżuri kien hemm il-
‘motorcycle strips’ li jagħmlu l-‘crash barriers’ iktar siguri għas-sewwieqa tal-muturi. Dawn l-‘istrips’ ġew implimentati fil-coast road u iktar riċentament fil-Kappara. F’dawn l-aħħar snin saru diversi kampanji fuq diversi mezzi tax-xandir sabiex titqajjem iktar kuxjenza f’dak li jikkonċerna sewwieqa tal-muturi. Il-messaġġ ta’ dawn il-kampanji fost l-oħrajn hu li tiżdied iktar ir-responsabbiltà fost is-sewwieqa tal-muturi fejn jidħol ilbies addattat u protettiv, kif ukoll l-importanza li jinżamm il-limitu tal-veloċità.
Messaġġi oħra edukattivi huma li s-sewwieqa jkunu iktar konxji tal-muturi waqt is-sewqan u li tinżamm id-distanza mill-muturi sabiex jiġu evitati inċidenti. Transport Malta żżid li se tkompli teduka u tippromovi s-sigurtà fit-toroq filwaqt li l-infrastruttura tat-toroq se tkompli tiġi mtejba għal iktar sigurtà.