Il-metro lura fuq l-aġenda...imma x’ġara f’pajjiżi oħrajn?
F’Londra ilha topera 155 sena, f’Malta għadna qed niddiskutuha. Imma x’ippropona l-PN s-sena l-oħra dwar metro f’Malta? U kemm se tiswina? U f’pajjiżi oħrajn vera naqqset it-traffiku? L-ILLUM tirriċerka...
minn Albert Gauci Cunningham
Il-ġimgħa li għaddiet, permezz ta’ servizz tal-aħbarijiet fuq ix-xandir nazzjonali, kien indikat li l-Gvern qiegħed jaħseb bis-serjetà fuq proġett ta’ trasport li jkun, jew parti minnu jkun, taħt l-art.
Trasport taħt l-art (underground) mhux xi invenzjoni ġdida, b’diversi bliet madwarna jħaddmu din is-sistema. Dik ta’ Londra, li tinkludi kemm Underground imma wkoll Overground (ferrovija fuq l-art) hija fost l-aktar sistemi antiki tant li ilha għaddejja snin. Fil-fatt, l-Underground ta’ Londra ilu għaddej 155 sena, tant li huwa fost l-ewwel tat-tip tiegħu fid-dinja.
Illum, kull min mar Londra jaf sew illi l-belt għandha labirint sħiħ taħtha li jifforma sistema sħiħa ta’ ferroviji li jeħduk minn post għall-ieħor. Il-Victoria Line u l-Jubilee Line huma fost l-itwal, imma d-District Line għandha l-akbar ammont ta’ waqfiet, 60 b’kollox.
Minkejja l-popolarità kbira tas-sistema, l-underground mhuwiex irħis. Il-prezz sabiex tivjaġġa fiż-żoni ċentrali wieħed, tnejn u tlieta ta’ Londra huwa ta’ madwar €45 fil-ġimgħa.
Issa f’Malta reġgħet qamet il-possibilità li jkollna trasport taħt l-art. Fid-dawl ta’ dan il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn dak li nafu s’issa dwar proġett bħal dan; mill-proposta tal-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali għal dak li wieħed jista’ jara madwarna u fatti li ħarġu minn pajjiżi oħrajn dwar proġett bħal dan.
Il-PN kien ippropona sistema b’erba’ linji
X’kien ippropona l-PN qabel l-aħħar elezzjoni?
Fl-aħħar kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista għamel l-aktar proposta komprensiva li s’issa għandna lokalment. L-ILLUM tat ħarsa lejn id-dokument ‘A Light Rail Metro for Malta’ li kienet ħadmet fuqu Marthese Portelli.
Din il-proposta hija li Malta jkollha ferrovija li tkun taħdem kemm fuq imma wkoll taħt l-art, skont il-bżonn u l-post.
Il-PN kien ippropona li s-sistema tkun maqsuma f’erba’ linji. L-ewwel linja tibda mill-Belt u tispiċċa hemm, tmur l-Imsida, Tas-Sliema u tispiċċa, jew inkella tibda, San Ġiljan. Din ir-rotta tkun twila 14-il KM u skont il-proposta tiswa l-inqas, bi prezz ta 425 miljun ewro.
It-tieni linja terġa’ tibda jew tispiċċa l-Belt Valletta, u tmur Birkirkara, Ta’ Qali, il-Mosta u tispiċċa n-Naxxar. Hija twila 26 Km u tiswa 625 miljun ewro.
It-tielet linja hija dik tan-Nofsinhar tal-pajjiż. Terġa’ tibda, jew tispiċċa, mill-Belt Valletta, tmur Raħal Ġdid, l-Ajruport, il-Fgura, il-Kottonera, Ħaż Żabbar u Marsaskala. Din tkun twila 25 Km u tiġi tiswa 595 miljun ewro.
Għawdex jingħaqad ma’ Malta ...
L-aktar proposta interessanti li kien għamel il-Partit Nazzjonalista kienet dik għall-aħħar linja, dik numru 4, u li tieħu lin-nies lejn it-Tramuntana tal-pajjiż.
Hija interessanti għaliex tgħaqqad is-sistema f’Malta ma’ dik ta’ Għawdex, kuntrarjament għal dak li qed ikun propost bħalissa permezz ta’ mina li tibda minn Għawdex u tispiċċa fil-limiti tax-Xemxija.
Din tibda (jew tispiċċa) f’San Ġiljan u tmur iċ-Ċirkewwa, l-Imġarr (Għawdex) u r-Rabat (Għawdex).
Apparti li hija interessanti, din il-linja hija wkoll l-aktar waħda li tiswa flus, bil-proposta tgħid illi l-prezz, mingħajr il-mina taħt il-baħar, jitla’ għal 700 miljun ewro. Bit-300 miljun ewro li tiġi tiswa mina taħt il-baħar, din il-linja waħedha tiġi tiswa mal-biljun.
X’għandu jieħu l-Gvern, minn dawn il-proposti ...
Naturalment, il-Gvern jaf jerġa’ jirrevedi l-lokalitajiet li minnhom jibdew, jispiċċaw u jgħaddu l-ferroviji, jekk jiddeċiedi li jmexxi fuq il-proġett. Bla dubju, iktar kemm iżid, il-proġett iktar se jiġi jiswa flus.
Il-proposta tal-PN hija nieqsa mid-dettalji ta’ fejn se jkunu qed jieqfu l-ferroviji, u allura f’liema lokalitajiet il-passiġġieri jistgħu jieqfu u jitilgħu. Jiġifieri jekk il-Gvern jiddeċiedi li jimxi mal-proposta tal-PN, ikollu jara kif se jindirizza lokalitajiet bħal Buġibba u l-Qawra, li minnhom ikun hemm domanda qawwija ħafna ta’ passiġġieri.
L-ispiża totali prevista mill-PN lanqas ma tinkludi l-infrastruttura li trid issir madwar, jew viċin, id-dħul/ħruġ tal-underground, sabiex min ikun irid imur fid-destinazzjoni jaqbad tal-linja mill-viċin. Pereżempju, jekk l-underground jieqaf ħdejn il-kumplessi u ħwienet li hemm ħdejn il-Mosta Technopark, il-passiġġieri li jgħixu n-Naxxar, il-Mosta, Ħal Lija, Ħal Balzan u fiż-żoni tal-madwar, ikun jeħtiġilhom jaqbdu tal-linja sabiex jaslu sad-destinazzjoni finali. Dan ikun jirrikjedi bini ta’ vened ġodda eqreb id-dħul jew il-ħruġ tal-istazzjon tal-underground.
Imma dawn il-flus kollha minn fejn se nġibuhom?
Il-proposta ta’ trasport PN, mingħajr it-300 miljun ewro tal-mina bejn il-gżejjer, tammonta għal 2.3 biljun ewro.
2.3 biljun ewro huma ħafna u ħafna flus, kważi 10% mill-ġid kollu li jinħoloq fil-pajjiż.
Il-PN qiegħed jgħid li l-Gvern għandu jfittex fondi Ewropej permezz tal-politika tal-koeżjoni (2014-2020), u mekkaniżmu ta’ fondi TEN-T. Apparti minn hekk jipproponu wkoll private public partnership.
X’qegħdin jgħidu li huma l-benefiċċji?
1) L-ewwel nett meta tivvjaġġa ma teħel qatt fit-traffiku u tasal ħafna iktar malajr. Probabbilment f’20 minuta tkun qsamt il-pajjiż, mingħajr wisq inkwiet. 2) – Ir-rapport tal-PN jgħid illi iktar kemm jibda jintuża dan il-mezz ta’ trasport, aktar jonqsu karozzi, u naturalment it-traffiku fit-toroq tagħna. Apparti t-traffiku, il-PN ifakkar illi inqas karozzi fit-toroq ifisser inqas ħmieġ tal-arja. 3) –Mezz ta’ trasport bħal dan, jgħid ir-rapport, ifisser li jkun hemm interazzjoni akbar fost il-passiġġieri u ċans akbar ta’ inklużjoni soċjali. U finalment 4) il-PN fakkar illi proġett bħal dan jista’ jsalva aktar art milli tiġi ssagrifikata għat-twessigħ tat-toroq minħabba aktar karozzi.
U x’ġara madwarna?
Analiżi tad-dejta tat-traffiku turi li proġetti ta’ metrò fil-bliet Indjani ta’ Hyderbad u Bengaluru naqqsu t-traffiku b’mod sinifikanti.
F’Dubaj, skont studji minn kumpanija internazzjonali bbażata Dubaj; l-Aurecon, linja li se tgħaqqad l-Emirat ta’ Sharajah mal-Green Line mistennija tnaqqas it-traffiku b’aktar minn 30%. L-istudju qiegħed jgħid illi 30% ta’ dawk li jużaw it-trasport pubbliku u karozzi jbiddlu l-mod li bih imorru minn post għall-ieħor, u għalhekk jibdew jużaw dan il-metrò ppjanat, li se jkun twil mas-7.3 km. Fil-Belt ta’ Riyadh għaddej proġett kbir ta’ sistema ta’ metrò.
L-istess il-linja Colaba-Bandra, fl-Indja wkoll, hija ppjanata li se tnaqqas it-traffiku b’35% ġaladarba tibda topera.
F’Hanoi, il-Vietnam, minħabba numru qawwi ta’ muturi u żieda ta’ karozzi, anki jekk kien hemm tnaqqis drastiku ta’ roti, il-Gvern qed jippjana li sal-2030 ikun hemm sitt linji ġodda ta’ underground, bil-pjan ikun li l-perċentwal ta’ Vjetnamiżi li jużaw it-trasport pubbliku jiżdied minn 9% għal aktar minn 60%. Il-belt Vjetnamiża ta’ Hoi Chi Minh ukoll qed tippjana underground, bl-ewwel fażi tiftaħ fl-2020.
Studju mill-Università ta’ Utah fl-Istati Uniti juri illi l-estensjoni ta’ Light-rail, kif propost fil-programm elettorali tal-PN, tnaqqas it-traffiku ġewwa l-Belt ta’ Salt Lake b’21%.
Imma kulħadd pożittiv dwar il-Light Rail Metro?
Le. Studju ippubblikat fil-Ġurnal għall-Ġeografija tat-Trasport jissuġġerixxi illi l-erba’ sistemi li nbnew madwar l-Ingilterra matul id-90ijiet u l-2000ijiet ma kellhom ebda effett fuq it-traffiku tal-karozzi. L-istudju juri illi ħafna min-nies li kienu qed jaqbdu l-Light Rail, kienu xorta waħda jaqbdu tal-linja minflok, u mhux karozza. Fi kliem ieħor, din m’attiratx passiġġieri ġodda. Fil-fatt, ċerti żoni, jgħid l-istudju, raw l-ammont ta’ nies li jużaw tal-linja jonqos ħafna, għax kienu qed jużaw il-Light Rail.
Shin Lee u Martyn Senior, li fasslu dan l-istudju, waslu għal din il-konklużjoni; “Iż-żieda fin-nies li jużaw il-ferrovija ġiet l-aktar minn tal-linja u l-evidenza illi turi illi Light Rail tnaqqas il-karozzi hija inqas ċara... dan huwa sinifikanti meta l-investiment f’Light Rail huwa ġġustifikat permezz tal-abbiltà preżunta illi din kapaċi ġġib bidla minħabba li tattira numru sostanzjali ta’ persuni li jsuqu l-karozzi.”
Brad Plumer, fuq il-Washington Post (‘Do light-rail systems help cut down on traffic? Perhaps not’) ifakkar kif minkejja s-suċċessi fl-Iżvezja, is-sistema ta’ Light Rail ma tistax taħdem tajjeb jekk tittieħed f’iżolazzjoni. Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ Malta, irid ikollok tal-linja li qed jaħdmu b’mod efiċjenti, u kkordinati mas-sistema tal-ferrovija wkoll, għaliex inkella l-kunċett kollu ma jaħdimx.
L-ambjent; Tajjeb jew ħażin?
Din il-gazzetta tat ħarsa lejn studju mill-kumpanija Siemens dwar l-impatt ta’ Light Rail fil-belt ta’ Turku, fl-Iżvezja.
Ir-rapport jgħid li l-akbar benefiċċju huwa li din il-vettura, meta mħaddma bl-elettriku, ma tħammiġx l-arja daqstant, allura dan iwassal għal tnaqqis fl-emmissjonijiet tad-dijossidju tal-Karbonju, u dan minħabba li Light rail ma jitfax ossidju tan-nitroġenu, u lanqas duħħan bħalma jipproduċu l-karozzi.
L-istudju jispeċifika illi bl-użu ta’ din it-tip ta’ vettura, din il-belt tista’ tesperjenza tnaqqis ta’ 11% fl-emmissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju minħabba inqas sewqan tal-karozzi. Jikkonferma iżda illi ħafna mill-passiġġieri tal-Light Rail fil-fatt huma dawk li (kienu) jużaw tal-linja. Fil-fatt, dan il-perċentwal jitla’għal 85%. Huma 10% dawk li kienu jużaw karozza u 5% li kienu jużaw mutur.
L-istudju jidħol ukoll fl-effett li proġett bħal dan jista’ jkollu fuq l-ambjent mibni, minn fejn tgħaddi l-ferrovija.
Naturalment, il-proġett minnu nnifsu joħloq ammont kbir ta’ skart tal-kostruzzjoni, u jkun hemm bżonn li jinbnew/jintużaw żoni ’l barra mill-urban. Dan sabiex 1) Issir l-istruttura minn fejn tgħaddi l-ferrovija jekk issir barra, u 2) sabiex jinbnew vened barra mid-dħul/ħruġ tal-istazzjon taħt l-art minn fejn persuna tkun tista’ taqbad tal-linja.