Dalgħodu, ħallew Malta għal Franza l-ewwel grupp ta’ immigranti li daħlu Malta fil-15 ta’ Awwissu, abbord l-MV Aquarius.
Il-141 immigrant li tniżżlu Malta dakinhar, kollha kemm huma, se jkunu qed jitqassmu fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Portugal u anke Spanja.
Id-Deputat Ambaxxatur ta’ Franza għal Malta, Vanessa Salas Pouget, qalet li din ir-rilokazzjoni għandha sservi ta’ eżempju għal mod kif għandha taħdem is-solidarjetà Ewropea, bil-għan li dawn il-każijiet ikunu solvuti malajr kemm jista’ jkun.
Qabel ma daħlu Malta, kien intlaħaq qbil li l-immigranti, kollha kemm huma, jitqassmu fost pajjiżi membri oħra u dan sar wara diskussjonijiet bejn Franza u Malta u stati membri oħra, bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea.
Apparti minn hekk, fit-13 ta’ Awwissu, Malta salvat 114-il immigrant ieħor li 60 minnhom ukoll se jkunu rilokati f'pajjiżi oħra.
Intant, dwar l-142 immigrant li kienu ddaħħlu abbord l-MV Lifeline, liema bastiment għadu maqbud f’Malta, il-Gvern qal li l-pajjiżi kollha, ħlief wieħed, żammew mal-wiegħda tagħhom li jilqgħu wħud minn dawn l-immigranti.