Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona mhux se jkun qed jiftaħ mill-ġdid il-libelli tiegħu kontra l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia wara li lbieraħ tilef iċ-ċans li jagħmel dan.
Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada kienu fetħu libell kontra Caruana Galizia wara li din kienet allegat li żaru l-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja waqt li kienu fuq żjara uffiċjali tal-Gvern.
F’Mejju li għadda, l-avukati ta’ Caruana Galizia kienu talbu li jaqgħu l-każi għax Cardona baqa’, għal aktar minn darba, ma deherx biex jagħti x-xhieda t-tiegħu.
It-talba kienet aċċetata, iżda Cardona kellu tliet xhur ċans bil-liġi biex jerġa’ jiftaħ il-libelli, xi ħaġa li Cardona baqa’ ma għamilx.
F’kummenti lil MaltaToday, l-għada li waqgħu l-każi, Cardona kien qal li mhux jeskludi li jerġa’ jiftaħ il-libelli, anke jekk saħaq li hemm diversi kunsiderazzjonijiet x’jagħmel.
Fuq Facebook, iben Daphne, Matthew Caruana Galizia iddeskriva lill-Ministru Cardona bħala bniedem giddieb, disonest u bla skrupli.