Muscat se jintalab jixhed fir-rikors ta' Delia kontra l-Avukat Ġenerali
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jakkuża lill-Avukat Ġenerali li kiser il-Kostituzzjoni meta rrifjuta li jagħih ir-rapport sħiħ dwar l-inkjesta Egrant
minn Yendrick Cioffi
Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jintalab jixhed fil-Każ Kostituzzjonali miftuħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, bit-tama li jingħata r-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant.
L-Avukat Vincent Galea, li qed jidher għal Delia, mistenni jitlob li jixhed il-Prim Ministru dwar korrispondenza li kellu mal-Avukat Ġenerali Peter Grech u oħrajn.
Delia kien fetaħ il-Każ Kostituzzjonali għax qed jisħaq li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni meta ma tahx ir-rapport sħiħ tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant.
Waqt is-smigħ tal-lum, l-Avukat ta' Delia saħaq li l-Prim Ministru qiegħed juża l-informazzjoni li għandu mir-rapport tal-inkjesta għall-vantaġġ tiegħu.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali b'referenza għall-kummenti ta' Galea insista li l-proċedura li jrid l-Avukat hija "bla preċedent, bla bżonn u bla bażi legali."
'L-AĠ qed jipprova jtawwal il-proċeduri'
Intant, fi stqarrija maħruġa aktar tard, il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Avukat Ġenerali li qed jibqa' jipprova jtawwal il-proċeduri biex ma jagħtix l-inkjesta sħiħa lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
"Meta ma riedx li l-Qorti tiddeċiedi b'urġenza dan ir-rikors, l-Avukat Ġenerali ried jostakola l-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi," tkompli l-istqarrija. "Din hija turija oħra kif l-Avukat Ġenerali qed ikompli jiżbilanċja ruħu aktar favur il-Gvern, u ried li din il-kawża tittawwal u ddum inutilment."
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien ressaq dan ir-rikors Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali għax skontu, bid-deċiżjoni tiegħu li ma jagħtihx kopja sħiħa tal-inkjesta, l-istess Avukat Ġenerali qed imur kontra l-Kostituzzjoni u kontra l-Konvenzjoni Ewropea.
"L-Avukat Ġenerali qed jostakola wkoll il-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi, meta n-nuqqas ta' aċċess għar-rapport sħiħ qed isir bi ksur tad-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jirċievi u jingħata aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga li jokkupa bil-Kostituzzjoni," tgħid l-istqarrija.
Adrian Delia jixhed nhar l-Erbgħa
F'dan ir-rikors Kostituzzjonali, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jitlob lill-Qorti tiddikjara li bid-deċiżjoni tiegħu l-Avukat Ġenerali qed imur kontra l-Kostituzzjoni.
Il-każ se jkompli nhar l-Erbgħa, fejn se jkun qed jixhed il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia
'Adrian Delia stess qed itawwal il-proċedura' - PL
B'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-Qorti tat għażla lil Adrian Delia biex jippreżenta lista ta’ xhieda fi żmien 24 siegħa, iżda minflok mar ippreparat, talab lill-Qorti biex tagħtih 48 siegħa biex jippreparaha.
"Bil-wiċċ tost kollu wara li għamel hekk ħareġ jattakka lil ħaddieħor li ried itawwal. Adrian Delia baqa’ bir-retorika tal-Kap ta’ qablu – jippolitiċizza kollox u bla rispett lejn istituzzjonijiet protetti mill-Kostituzzjoni," tisħaq l-istqarrija tal-PL.
Fakkar li l-inkesta Egrant issejħet mill-Prim Ministru u l-konklużjonijiet tagħha huma ppubblikati u ddikjaraw li saret "l-akbar gidba politka fil-konfront tal-Prim Ministru."
L-istqarrija tinsistli li kien Adrian Delia nnifsu li qal li ma jista' jkun hemm xejn fl-inkjesta li jibdel il-konklużjonijiet u dan meta kien għadu qed issejjaħ għar-riżenja ta' Simon Busutti.
Ittemm ittenni li l-Prim Ministru hu impenjat li jippubblika r-rapport tal-inkjesta b'mod sħiħ b'mod li ma jtellifx l-investigazzjonijiet.