'L-ebda nuqqas fis-servizz tal-ħelikopter tal-Isptar ta' Għawdex'
Il-Ministeru għas-Saħħa jgħid li bord indipendenti ma sab l-ebda nuqqasijiet kif kien allega d-Deputat Chris Said
More in Politika
Il-Ministeru għas-Saħħa jgħid li bord indipendenti ma sab l-ebda nuqqasijiet kif kien allega d-Deputat Chris Said
Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tisħaq li l-inkjesta mitluba mill-istess Ministru ma sabet l-ebda nuqqas fis-servizz tal-ħelikopter tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif kien allega d-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Il-Ministeru jikkwota l-konklużjoni tal-bord indipendenti mmexxi mill-Professur Joe Cacciattolo li jgħid hekk:
“The procedures followed were in line with established normal practice and protocols. No difficulties were encountered during the transfer of the patient from GGH to MDH. The patient was only transferred to MDH once the attending physician considered that it was safe to do so. The air ambulance helicopter was available when a decision was taken that the patient needed transfer to MDH.”
L-istqarrija ttemm tgħid li l-bord sab ukoll li l-arranġament bejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-kumpanija tal-vapuri Gozo Channel kien wieħed ibbażat fuq prassi tradizzjonali u rrakkomanda li dan l-arranġament ta’ traġit ta’ ambulanzi bil-vapur jiġi fformalizzat.
Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said kien allega li pazjent Għawdxi tilef ħajtu wara li dam ma twassalx Malta fil-ħin biex jingħata kura intensiva għal attakk tal-qalb, minħabba ħsara fil-ħelikopter.
Madanakollu, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta’ Għawdex, Joseph Fenech, kien ċaħad l-allegazzjonijiet u qal li dawn huma ntiżi biex jallarmaw lill-Għawdxin.