Il-Partit Nazzjonalista nieda programm ta’ taħriġ immirat għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fid-dinja tal-politika.
‘Future Leaders,’ li se jkun immexxi mill-eks Deputat Charlo Bonnici se jkun qed iħarreġ liż-żgħażagħ f’diversi ħiliet, fosthom dawk kommunikattivi, il-ħsieb kritiku u ħiliet oħra li huma neċċessarji għal dawk li jixtiequ jidħlu fid-dinja tal-politika.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli qal li dan il-programm huwa parti mill-proċess ta’ rinovament li għaddej minnu l-Partit Nazzzjonalista.
Fakkar li fl-aħħar xhur inbidel ukoll l-istatut tal-Partit Nazzjonalista bil-għan li ż-żgħażagħ ta’ 14-il sena jkunu jistgħu jissieħbu bħala tesserati.
“Ma nistgħux ninsew lil dawk iż-żgħażagħ li llum għandhom 14-il sena, se jkunu qed jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali u għadhom jgħinu lill-Partit Nazzjonalista biex ifassal id-direzzjoni politika tiegħu,” saħaq Puli.
Fakkar ukoll f’fergħa ġdida li twaqqfet fil-Partit Nazzjonalista għal dawk iż-żgħażagħ li għandhom bejn l-14 u t-18-il sena. ‘Team Start,’ se tkun irrappreżentata fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit u anke fil-kunsilli ammnistrattivi u ġenerali.
Fi kliem Puli, dan ifisser li madwar 15% tat-tim li jgħin lill-Partit Nazzjonalista jfassal il-politika tiegħu se jkun jikkonsisti minn persuni li għandhom inqas minn 30 sena.
It-taħriġ f’dan il-programm il-ġdid se jkun qed jingħata b’kollaborazzjoni mal-AZAD u anke l-Fondazzjoni Konrad Adenauer, Fondazzjoni Ġermaniża assoċjata mal-Partit Demo-Kristjan.
Iż-żgħażagħ li se jkunu qed jieħdu sehem f’dan il-programm se jingħataw iċ-ċans li jqattgħu ħin ma’ politiċi ta’ esperjenza tal-Partit Nazzjonalista bil-għan li jifhmu aħjar kif jaħdmu il-Parlament, il-Kunsilli Lokali u s-sistema politika Maltija.