Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta ser tkun qed toħroġ sejħa għall-offerti għall-bini mill-ġdid ta’ madwar 120 triq residenzjali.
Waqt li kien qiegħed iżur ix-xogħlijiet li għaddejja bħalissa fi Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq, il-Ministru Borg qal li dawn it-toroq se jkunu qed isiru b’investiment “bla precedent” ta’ €700 miljun.
“Dan huwa l-ewwel grupp ta’ toroq residenzjali li ser inkunu qed nibnu mill-ġdid, wara li għal għexieren ta’ snin tħallew f’telqa totali u saħanistra kien hemm għadd ta’ toroq li qatt ma kienu mibnija kif suppost,” qal il-Ministru.
Spjega kif il-proċess għandu jintemm sal-aħħar ta’ din is-sena biex ix-xogħlijiet fuq it-toroq jibdew mis-sena d-dieħla.
Dwar ix-xogħlijiet għaddejja fi Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq, il-Ministru Borg fakkar li dinġiet mibnija mill-ġdid b’investiment ta’ €1.8 miljun.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-twessiegħ tat-triq, minn waħda dejqa għal waħda b’żewġ korsiji li tgħaqqad il-lokalità taż-Żurrieq ma’ Ħal Safi u Ħal Kirkop. Inbnew ukoll roundabout u service road maġenb din it-triq biex b’hekk l-aċċess għar-residenti ta’ din it-triq ikun iktar sigur.
Fl-istess triq saret ukoll karreġġjata għaċ-ċiklisti, bankini ġodda, ħames pedestrian crossings u diversi spazji għall-parkeġġ ġodda. Dan apparti servizzi ġodda tal-ilma, tad-drenaġġ, tal-elettriku u tat-telekommunikazzjoni.
Il-Ministru Borg spjega ingħatat attenzjoni partikolari lis-sit ta’ dan il-proġett minħabba li ż-żona hija waħda ta’ sinifikat arkeoloġiku. Fil-fatt, it-tħaffir li kien hemm bżonn biex jinbnew il-pedamenti ta’ din it-triq u biex jgħaddu s-servizzi, kellu jsir taħt is-superviżjoni kontinwa ta’ arkeoloġisti.
F’ċertu żoni, il-ħaddiema kellhom iħaffru bil-pali u mhux bil-gafef, biex b’hekk jiġi assigurat li fdalijiet storiċi li seta’ kien hemm jiġu protetti. Tant hu hekk li instabu sitt oqbra antiki u karatteristiċi storiċi oħrajn bħall-cart ruts
Il-Ministru għat-Trasport ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin, ser ikun qiegħed jibda l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kuċċard, li tgħaqqad Vjal ix-Xarolla ma’ Ħal Safi u Ħal Kirkop.