'L-avukat għandu jaqdi lill-poplu u mhux jagħmel il-flus minn fuqu' - L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna jħeġġeġ lill-Avukati biex jipproteġu lill-poplu mill-"arroganza tal-poter"

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna saħaq li l-Avukat qiegħed hemm biex ikun viċin il-poplu u mhux biex jagħmel il-flus minn fuqhom.

Huwa qal dan waqt quddiesa fl-Oratorju tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi, li għaliha kien hemm preżenti membri u eks membri tal-ġudikatura kif ukoll għadd ta’avukati.

Tul l-omelija tiegħu, l-appell tal-Arċisqof kien biex il-professjoni legali ma tispiċċax “strument tal-oppressjoni.”

Huwa bbaża l-omelija tiegħu fuq il-virtuwijiet ta’ Aristotli, jiġifiefi il-prudenza, it-temperanza u l-ġustizzja.

“Il-pittura ta’ Caravaggio li hawn warajna turi waħda mill-akbar inġustizzji,” qal Mons. Scicluna. “Għandha sservi ta’ twissija għalina għax aħna għandna nipproteġu liċ-ċitaddini mill-arroganza tal-poter. Il-Mulej jilliberana minn dak il-mument meta l-Qrati tal-Ġustizzja jispiċċa strumenti tal-oppressjoni.”

Kien hawn, li l-Arċisqof appella lill-avukati biex ikunu viċin il-poplu. “Għatuhom is-servizz mingħajr ma tikkompromettu l-verità u l-ġustizzja.”

Temm jappelalhom biex ikunu servi tal-ġustizzja u biex jipproteġu lill-poplu mill-arroganza tal-poter u l-istrumenti tal-inġustizzja.

 

More in Politika