'Avukat li jibqa' jġebbed każ għalxejn jistħoqqlu sospensjoni tal-liċenzja'

Il-Prim Imħallef jikkritika grupp żgħir ta' avukati li ma jirrispettawx id-deċiżjoni finali tal-Qorti

Fid-diskors tal-ftuħ tas-Sena Forensi, il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi kkritika dawk li sejħilhom bħala “numru żgħir ta’ avukati,” li wara li tingħata sentenza finali, jibqgħu jġebbdu l-każ b’mod li dan ma jispiċċa qatt. Insista li jekk avukat jaddotta dan l-atteġjament għandu jkollu s-sospensjoni tal-liċenzja.

Huwa saħaq li filwaqt Ii mhux qed jgħid li deċiżjonijet ma jistgħux ikunu kkritikati, insista li l-kritika għandha ssir b’sens u b’għarfien tal-prinċipji bażiċi tal-ġustizzja.

“Hemm bzonn li tkun xi tkun id-deċizjoni finali, din tkun aċċettata bħal finali minn kulħadd, l-istess bħad-deċiżjonijiet li jieħu r-referee f’logħba futbol,” saħaq Azzopardi.

Kien hawn li saħaq li dan jgħodd ukoll għal “numru żgħir ta’avukati” li jagħmlu minn kollox biex każ ma jispiċċa qatt anke wara s-sentenza finali tal-Qorti tal-Appell.

“Dan l-aħħar saret moda li wara deċiżjoni finali, ċerti drabi wara ħafna snin, l-Avukat tal-parti telliefa, l-ewwel jitlob smigħ mill-ġdid u meta din tiġi rrifjutata, f’daqqa waħda jirrealizza li ma kellux smigħ xeraq u jipproponi kawża kostituzzjonali, jitlifha u jerġa’ jappella u jekk jerġa’ jitlifha jkollu anke t-temenza li jappella quddiem il-Qorti Ewropea,” qal Azzopardi.

“Jiddispjacini ngħid li dan ma hux atteġġjament serju ta’ professjonist. Meta jsir dan ikun qed jikkawża ħsara lill-kontro-parti li ddum aktar snin tistenna ġustizzja barra li taħli l-ħin tal-Qorti u minħabba f’hekk kawżi oħra jibqgħu lura fil-lista ta’ smigħ,” kompla jisħaq il-Prim Imħallef u kien hawn li saħaq li għandu jiġri bħal ma jiġri f'pajjiżi oħra u titneħħa l-liċenzja ta' dawk l-avukat li jabbużaw minn dan.

"Hemm bżonn jitjieb il-mekkaniżmu li bih jinħatru l-ġudikanti"

Għadda biex jitkellem ukoll dwar kritika li ġieli saret wara ħatriet ta’ xi membru tal-ġudikatura. Filwaqt li faħħar il-fatt li fl-2016 daħlet emenda fil-liġi biex minkejja li d-deċiżjoni finali tibqa’ tal-Gvern, ħatra tkun approvata mill-Judicial Appointments Committee, il-Prim Imħallef saħaq li wasal iż-żmien li “dan il-mekkaniżmu jitjieb.”

Lil dawk li jiktbu u jikkumentaw fuq il-Maġistrati u l-Imħallfin fuq il-midja soċjali, il-Prim Imħallef serħilhom rashom li l-ġurament li jieħu kull membru tal-ġudikatura, jieħdu b’lealtà lejn ir-Repubblika u l-poplu kollu.

"Nassigurakom li l-ġurament neħduh bl-akbar responsabbilità"

“Jien ċert li kull wieħed u waħda minnha ħadu dan il-ġurament bl-akbar serjeta’ kif jixraqlu. Darba li nieħdu dan il-ġurament, aħna assigurati mill-indipendenza mill-mod kif niġġudikaw u niddeciedu l-kawżi u ma jista’ jkollna ebda pressjoni fuqna fir-rigward,” insista Azzopardi.

“Limitazzjonjiet għandna bħal ma għandu kulħadd, la aħna robots u lanqas ma għandna doti supranaturali imma ngħidha b’wiċċi minn quddiem li l-ġudikatura Maltija ma hijiex inferjuri għall-ebda ġudikatura fid-dinja u dan ikkonfermajtu meta kelli l-opportunita’ niltaqa’ ma’ Imħallfin oħra barranin.

"Hemm bżonn aktar Maġistrati...nuqqas serju fl-istaff"

Il-Prim Imħallef tkellem ukoll dwar l-Imħallfin u anke l-Maġistrati l-ġodda li fi kliemu minnufih bdew bil-ħidma tagħhom, madanakollu rrimarka li l-Maġistrati, mhux dawk ġodda biss, huma magħfusa ħafna bix-xogħol u saħaq li hemm bżonn li jiżdiedu.

Hawnhekk tkellem mhux biss dwar id-diffikultà li tinħoloq kull meta jinħatar ġudikant ġdid, biex dan jinstablu uffiċċju, imma anke għax fi kliemu, is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ staff, partikolarment id-deputati, “hija serja.”

“Għalkemm għadha kif ħarġet sejħa għall-impjieg tagħhom ma kienx hemm xi rispons qawwi. Dan jista’ ġej mill-fatt li jeżistu opportunitajiet band’oħra li huma aktar attraenti għal żgħażagħ b’ċertu kwalifi, saħaq Azzopardi.

Qorti ta' Għawdex..."mhux aċċessibbli u ħafna umdità"

L-aħħar suġġeriment tal-Prim Imħallef kien dwar il-Qorti ta’ Għawdex. Filwaqt li saħaq li l-ambjent li jagħti għalih ma jistax ikun isbaħ, jibqa’ l-fatt li l-aċċess huwa diffiċli għal nies anzjani u oħrajn b’diżabilità.

Apparti minn hekk, l-umdità fih ma tantx qed tipprovdi ambjent sabiħ biex l-impjegati jaħdmu b’serenità, saħaq Azzopardi.

“Naf li hemm pjan biex il-Qorti ta’ Għawdex jiċċaqlaq għal x’imkien ieħor, aktar modern u li jkun aktar konformi mal-esiġenzi tal-llum. Nispera għalhekk li dawn il-pjani jibqgħu għaddejjin kemm jista’ jkun malajr," temm jgħid il-Prim Imħallef.

More in Politika