Il-maġġoranza ta’ dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, jaqblu li jinżamm il-ħin tas-sajf tul is-sena kollha.
Kienu ‘l fuq minn 2,000 persuna dawk li ħadu sehem f’din il-konsultazzjoni pubblika li ntemmet illum u li laħqet il-il-qofol tagħha b’laqgħa pubblika mmexxija mill-MEUSAC u bis-sehem tal-imsieħba soċjali fil-Berġa ta’ Aragona.
L-imsieħba soċjali kienu aktar kawti dwar din il-proposta tal-Kummissjoni u esprimew it-tħassib dwar il-potenzjal ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea li tista’ tikkawża tfixkil serju lis-suq ewlieni, bis-servizzi finanzjarji, is-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu elenkati bħala industriji ewlenin li jistgħu jbatu mid-differenza fil-ħin bejn il-membri stati.
Tal-istess fehma kienet il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli li assigurat lil dawk preżenti li l-Gvern se jieħu pożizzjoni infurmata dwar din il-proposta.
Apparti l-konsultazzjoni online, il-Ministeru ħa ħsieb li jsir studju xjentifiku dwar il-fehma pubblika u dik ta’ min iħaddem, bir-riżultati jiġu ppreżentati lill-Kabinett għall-kunsiderazzjoni tiegħu.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li din il-proposta tista’ sservi ta’ opportunità biex neliminaw l-anomaliji eżistenti. Kien għalhekk li saħaq li hu importanti ħafna li l-membri stati jaqblu dwar pożizzjoni komuni biex jkunu evitat anomaliji ġodda li jistgħu jimminaw l-ekonomija lokali, Ewropea u internazzjonali.
Jekk din il-proposta tiġi attwata mingħajr ebda tibdil, il-perjodu li jmiss ikun l-aħħar wieħed bil-ħin tax-xitwa, hekk kif mis-sena d-dieħla l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea hu li nibqgħu bil-ħin tas-sajf.
Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u tal-istudju xjentifiku se jiġu ppubblikati fil-jiem li ġejjin.