'L-Awtorità tal-Ippjanar hija awtonoma u indipendenti' - PM
Joseph Muscat ma jweġibx meta mistoqsi dwar jekk il-pożizzjoni ta' Johann Schembri għadhiex tenibbli

More in Politika
Joseph Muscat ma jweġibx meta mistoqsi dwar jekk il-pożizzjoni ta' Johann Schembri għadhiex tenibbli
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma weġibx meta mistoqsi mill-ġurnalisti jekk il-pożizzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar għadhiex tenibbli u dan wara li kkonferma li kien hu li awtorizza li Jacqueline Gili tinġieb minn Sqallija bi private-jet biex tivvota dwar il-proġett tal-Grupp db f’Pembroke.
F’kummenti lill-ġurnalist, waqt li kien qed iżur ‘fresher’s week’ fl-Università, il-Prim Ministru, li kien kritiku ta’ din id-deċiżjoni, qal li l-Awtorità tal-Ippjanar hija indipendenti u hu ma jistax jiddeċiedi x’jiġri fiha jew le.
Huwa saħaq li Buttigieg spjega għalfejn ħa dik id-deċiżjoni u insista li kien f’idejn l-Awtorità li tiddeċiedi x’għandu jiġri u x’ma għandux.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li ħallset ‘il fuq minn €8,750 għal dan il-private-jet.
Filwaqt li ddefenda l-pożizzjoni tiegħu, Buttigieg insista li ‘ikun idjota’ jekk jerġa’ jieħu deċiżjoni simili wara r-reazzjoni mhux biss tal-pubbliku imma anke tal-Ministru Ian Borg u tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Intant il-Prim Ministru rrifjuta wkoll li jikkummenta dwar il-fatt li anke l-Ministru Owen Bonnici għandu kopja tal-inkjesta Egrant.
Il-Prim Ministru qal biss li ġaladarba hemm Kawża Kostituzzjoni għaddejja, miftuħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni, jista’ jkun qed “jippreġudika l-każ” jekk jikkummenta.