Il-kummenti ta' Giegold dwar l-HSBC f'Malta kkundannati mill-kollegi tiegħu stess
Carmel Cacopardo u Roberta Metsola jisħqu li Sven Giegold qed jesaġera

More in Politika
Carmel Cacopardo u Roberta Metsola jisħqu li Sven Giegold qed jesaġera
Iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo u anke l-Ewroparlamentari Roberta Metsola kkritikaw il-kummenti ta’ Sven Giegold, kollega tagħhom, meta qal lil ġurnal Ġermaniz li jekk il-Gvern Malti mhux se jieħu bis-serjetà l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, se jkun qed jikkampanja biex il-bank HSBC iħalli Malta.
Il-kummenti ta’ Giegold ġew bħal sajjetta fil-bnazzi hekk kif dan il-bank qatt ma ssemma’ fil-laqgħat taż-żewġ delegazzjonijiet li ġew Malta jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt u allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u li Giegold kien parti minnhom.
Carmel Cacopardo insista li Giegold jagħmel sewwa jiġġieled il-ħasil tal-flus iżda dan il-metodu tiegħu huwa “esaġerat.”
Giegold huma membru tal-Partit tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew u li miegħu hija msieħba wkoll l-Alternattiva.
“Assolutament ma naqbilx miegħu. Jekk il-mira ta’ Giegold ikun l-HSBC, dan ifisser li ma jkunx qed ikun ġust mal-poplu,” kompla Cacopardo.
Roberta Metsola, li sal-ġimgħa li għaddiet kienet bilqiegħda fuq l-istess mejda ma’ Giegold, meta ġew Malta bħala parti minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, insistiet li assolutament ma taqbilx miegħu u qed jiżbalja li jpoġġi fil-mira tiegħu lil HSBC.
Insistiet li jekk iseħħ dak li jixtieq Giegold, se jbatu mijiet ta’ ħaddiema onesti.
Metsola saħanistra saħqet li “t-teatralità” ta’ Giegold mhux se tgħin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.
“Jekk irid jagħmel differenza, Giegold għandu jiffoka biex itejjeb is-sitwazzjoni u dan ċertament mhux dak li qed jagħmel bħalissa,” temmet tgħid l-Ewroparlamentari