Il-Parlament kellu jkun sospiż wara għajjat u storbju min-naħa għall-oħra tal-Kamra, bil-Prim Ministru saħansitra jgħajjat 'frodist' fil-konfront tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni u Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Muscat qal li se jitfa' l-ħtija kollha fuq Busuttil fuq il-każ Egrant u implika li tant se tkun kbira l-mistħija ta' Busutttil li lanqas se jkollu jħalli l-pajjiż.
Kollox inqala' x'ħin il-Ministru Chris Cardona kien qiegħed jitkellem dwar l-allegazzjonijiet li kienu ppubblikati lbieraħ fuq La Repubblica. Huwa appella kontra dak li sejjaħ "arroganza mentali" u kontra min qed jipprova jimplikah fi qtil, sempliċiment għax kien fl-istess festin fejn kien hemm wieħed mill-akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Intant Simon Busuttil talab lill-Ispeaker biex il-Prim Ministru jissostanzja l-akkuża ta' frodist u li permezz ta' ruling Muscat jerġa' jidħol fil-Parlament u jwieġeb. Fin-nuqqas ta' dan, sostna Busuttil, il-PM Muscat għandu jirtira dak li qal.
Il-PM Muscat daħal fil-Kamra tad-Deputati ftit wara u sostna illi Busuttil kien parteċipi fi frodi u allura iva huwa frodist. "Tipprovax titfa' l-ħtija fuqi u fuq familti biex tipprova tieħu raġun."
Busuttil sostna li hu refa' r-responsabilità tiegħu billi rreżenja, "ara lil Konrad Mizzi żammejtu hemm. U sakemm iżomm miegħu liċ-Chief of Staff tiegħu u lill-Ministru Mizzi wara li nqabbdu li kellhom kontijiet fil-Panama li fihom kienu se jidħlu eluf ta' ewro fih, nibqgħu nemmnu li Egrant tiegħek," sostna Busuttil.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna illi l-Prim Ministru ma jistax jagħmel akkuża daqstant serja mingħajr ma jkun ippublikat ir-rapport kollu tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Hu insista illi qabel ma ssir dikussjoni dwar din il-materja jrid ikun ippublikat ir-rapport kollu ta' Bugeja.