Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew ivvota b’mod unanimu favur l-opinjoni tal-Ewroparlamentari Marlene Mizzi biex ikun projbit il-ġarr krudili tal-annimali.
“Irridu li ma jibqax ikollna każi fejn l-annimali jitgħabbew f’kontejners u jitħallew bla ikel u ilma fi sħana kbira, jew f’temperaturi kesħin ħafna,” saħqet Mizzi.
Kien għalhekk li appellat lill-partijiet kollha interessat biex jassiguraw prattiċi aħjar fit-trasport tal-annimali.
Mizzi tkellmet ukoll dwar “il-ħtieġa li jittejjeb il-mod li bih l-annimali jittieħdu minn destinazzjoni għal oħra, irrispettivament jekk id-destinazzjoni hijiex ġewwa jew barra l-Unjoni Ewropea.
Fakkret fir-Regolament tal-Kunsill tal-2005 li jitlob li jkunu assigurati standards għoljin waqt it-trasport tal-annimali u insistiet li ma jistax ikun li dan jibqa’ jinkiser.
“Għall-kuntrarju, irridu nsibu modi aħjar kif ninfurzaw dan ir-regolament biex nissalvagwardjaw l-annimali waqt li jiġu ttrasportati,” kompliet Mizzi.
Kien għalhekk li saħqet li “wasal iż-żmien li l-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi infurzata, b’mod li tipproteġi l-annimali kollha, irrispettivament minn kif jiġu ttrasportati, u jekk dan isirx fuq l-art jew fuq il-baħar.”
Temmet tgħif li l-istati membri kollha jridu jimxu ma’ din il-leġiżlazzjoni, u l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jridu jżommu responsabbli lil dawk il-membri li ma jimxux mal-liġi tal-Unjoni.