Zammit Dimech b'ħames proposti biex tiżdied l-għajnuna għall-pazjenti tad-dijabete

Zammit Dimech tkellem ukoll waqt  laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dijabete fil-Parlament Ewropew fi Brussell

Fl-aħħar sena, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista għamlet għadd ta’ proposti lill-Gvern Malti bil-għan li jżied l-għajnuna tiegħu lill-persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete.

Fost affarijiet oħra, Zammit Dimech appella lill-Gvern  biex:

  1. Biex jiprovdi Continuous Glucose Monitors b’xejn
  2. Biex jiprovdi labar tal-4mm għat-tfal b’xejn
  3. Biex jiprovdi labar għad-dijabetiċi jinkludu lancet device b’xejn
  4. Biex f’Għawdex ikun hemm infermiera dwar id-dijabete disponibbli għall-pazjenti
  5. Biex iwaqqaf Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabete

“Id-dijabete hi sfida ta’ prijorità ewlenija li għaliha hemm bżonn aktar riċerka. L-għarfien ġdid bżonnjuż biex jiġġieled din il-marda jista’ jinkiseb biss permezz ta’ aktar fondi. Għandna wkoll nassiguraw li l-pazjenti jirċievu s-servizzi neċessarji u l-appoġġ mhux biss għalihom iżda anke għal qrabathom.”

Zammit Dimech qal dan waqt laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dijabete fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Huwa qal li filwaqt li d-dijabete toħloq it-tbatija għaliex twassal għall-għama u l-insuffiċjenza tal-kliewi, mhix qed tingħata biżżejjed attenzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Hu kruċjali li l-pazjenti u l-qraba jingħataw l-appoġġ, speċjalment għaliex id-dijabete tikkontribwixxi għal anqas kwalità tal-ħajja u t-telf tal-kapaċità li wieħed jaħdem,” kompla Zammit Dimech.

Fakkar ukoll kif id-direttiva dwar is-servizzi awdjoviżivi tal-midja tintroduċi regoli aktar stretti dwar ir-reklamar waqt programmi tat-tfal, li jinkludu t-tnaqqis ta’ reklami dwar ikel u xorb ħażin għas-saħħa.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Chris Delicata, mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete u ċ-Ċerpersin  tal-Koalizzjoni Ewropea dwar id-Dijabete.

Delicata tkellem dwar kemm xi drabi l-ispiża tkun problema għal ħafna nies, u għalhekk l-appoġġ tal-gvernijiet nazzjonali biex jiporovdu l-apparat b’xejn, ikun vitali

Skont il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete, kważi 1 minn kull 10 persuni fl-Ewropa għandhom id-dijabete, li jammontaw għal madwar 60 miljun persuna.

Hu stmat li hemm 22 miljun każ li mhumiex dijanjostikati fl-Ewropa. Sal-2045, in-numru ta’ nies bid-dijabete mistenni jiżdied għal 81 miljun.

Biex ifakkar il-Jum Dinji tad-Dijabete, ix-xahar id-dieħel, l-MEP Francis Zammit Dimech se jorganizza attività ta’ ġimgħa u dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

More in Politika