Il-PD jgħid li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex irażżan lill-midja
Il-Partit Demokratiku fakkar illi l-midja indipendenti tiggarantixxi l-imparzjalità
More in Politika
Il-Partit Demokratiku fakkar illi l-midja indipendenti tiggarantixxi l-imparzjalità
"Il-Partit Demokratiku huwa l-uniku partit rappreżentat fil-Parlament li dejjem ta appoġġ lis-soċjetà ċivili fid-domanda tagħha għat-tmiem tal-korruzzjoni u impunità, għal governanza tajba u għal verità u ġustizzja." Hekk sostna l-Partit Demokratiku, li fi stqarrija saħaq illi m'huwiex partit liberali "tal-isem biss".
"Hu partit determinat li jkollna soċjetà demokratika fejn il-kontrolli u l-bilanċi huma n-norma, fejn il-politiċi huma suġġetti għal skrutinju pubbliku u jinżammu responsabbli biex jiggarantixxu ambjent politiku ġust u sikur għaċ-ċittadini kollha. Biex dan jitwettaq, il-Partit Demokratiku jemmen li hu essenzjali li r-raba’ pilastru tad-demokrazija jkun imsaħħaħ. Qed nirreferu għax-xandir."
Il-Partit Demokratiku fakkar illi hija l-midja indipendenti li tiggarantixxi l-imparzjalità.
"Dan il-gvern wera' li qed jagħmel minn kollox biex irażżan id-dritt tas-soċjetà għal informazzjoni bla preġudizzju tax-xenarju politiku, finanzjarju u soċjali ta’ pajjiżna."
"Mara, omm u ġurnalista investigattiva ġiet maqtula fid-dawl tax-xemx," sostna l-PD f'referenza għal Daphne Caruana Galizia. "L-intenzjoni kienet ċara, li xi ħadd ried jiskoraġġixxi ġurnalisti oħra milli jimxu fuq il-passi tagħha. Hi kienet qed teżerċita d-dritt fundamentali tagħha għal-libertà tal-espressjoni, tal-fehma u tirċievi u tagħti informazzjoni mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi u bla kantunieri. Ma setgħux iwaqqfuha. Ma riditx tibqa’ lura minn hidmietha u għalhekk ġiet assassinata f’mument meta l-klima politika kienet tali li seta’ jsir att hekk barbaru. Hemm bżonn tittieħed responsabbiltà politika."
"Il-Partit Demokratiku se jkompli jtenni l-appoġġ tiegħu għad-demokrazija u għal dawk kollha li jiġġieldu għaliha. Il-PD japprova s-sejħa għal inkjesta pubblika sħiħa fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.," temm jgħid f'referenza għall-proposta li qed jagħmel il-Partit Nazjonalista.