Il-kumpanija Air Malta għadha kif ħadet lill-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA) il-Qorti u fetħet mandat ta' inibizzjoni biex il-piloti ma jkunux jistgħu jipproċedu b'azzjonijiet li ħadu u li qed jgħidu illi se jieħdu. Dan se tagħmlu fuq il-bażi illi l-ALPA ma segwitx il-proċess ta' konċiljazzjoni mandatorja u dak tal-arbitrar.
Il-linja nazzjonali tal-ajru sostniet illi wara li sar l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv f'jannar li għadda, l-kumpanija kienet f'diskussjonijiet mal-ALPA dwar l-interpretazzjoni ta' diversi partijiet tal-ftehim kollettiv. "Il-mod kif l-ALPA qed tinterpreta dawn il-klawżoli hija meqjusa bħala żvantaġġ u inġusta mal-Air Malta."
L-Air Malta tfakkar li minħabba l-azzjoni tal-ALPA kellhom saħansitra jitħassru numru ta' titjiriet.