Dalgħodu ġie ffirmat l-ewwel ftehim settorjali għall-Pulizija li mistenni jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u anke jżidilhom il-paga.
Dwar dan il-ftehim intlaħaq wara qbil bejn il-Korp tal-Pulizija, il-Gvern u anke ż-żewġ unjins tal-Pulizija, l-Police Officers Union u l-Malta Police Association.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li dan il-ftehim huwa pass ieħor ‘il quddiem bil-għan li l-Korp tal-Pulizija jissaħħaħ.
Spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim, l-uffiċjali tal-Pulizija u l-kuntistabbli se jkunu qed jitilgħu livell fl-iskala tal-pagi tas-settur pubbliku.
Apparti minn hekk, kull ġimgħa l-Pulizija mhux se jibqgħu jaħdmu 46 siegħa, iżda 40 siegħa, apparti li se jkunu qed jibbenfikaw ukoll minn rati aħjar tal-overtime, fost oħrajn.
Permezz ta’ dan il-ftehim, se jiżdied ukoll l-investiment fil-Korp tal-Pulizija, fosthom ix-xiri ta’ body cams, apparti xogħlijiet infrastrutturali oħra fl-għases tal-Pulizija bil-għan li jsiru aktar aċċessibbli.