Organizzazzjonijiet li jaħdmu favur il-libertà tal-istampa u tal-espressjoni talbu inkjesta pubblika u indipendenti oħra biex tiddetermina jekk il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia setgħetx kienet evitata.
Il-ħames NGOs ħadu dan il-messaġġ direttament lill-Prim Ministru Joseph Muscat hekk kif illum waranofsinhar iltaqgħu miegħu u ma’ uffiċjali oħra tal-Gvern f’Kastilja.
Għall-ewwel parti tal-laqgħa kienet mistiedna wkoll il-midja, fejn l-organizzazzjonijiet saħqu li sena wara l-assassinju, apparti l-arrest tat-tliet persuni li wettqu l-qtil, għadu ma kienx hemm riżultati b’saħħithom li ħarġu mill-investigazzjoni.
Huma wrew it-tħassib tagħhom ukoll għall-fatt li minkejja li nqatlet, Dahne Caruana Galizia għadha qed tiġi vvilifikata u għamlu referenza partikolari għat-tneħħija kontinwa tal-‘mafkar’ minn quddiem il-Qorti, anke dan il-lejl stess, meta tneħħew il-messaġġi u l-fjuri li tpoġġew minnhom.
Fi kliemhom, dan hija “mibegħda mmanifatturata” kontra l-ġurnalista maqtula. Għalhekk ħeġġew lill-Ministru Owen Bonnici biex jippermetti li jitpoġġew il-fjuri u x-xemgħat sakemm issir ġustizzja.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru qal li se jżomm lura milli jitkellem biex ma jippreġudikax l-investigazzjoni imma tenna li hu kommess li dan il-każ ikun solvut.
Huwa insista li mhux qed jeskludi inkjesta pubblika wara li l-investigazzjoni tkun konkluża.
L-NGOs jinsabu f’Malta hekk kif għada jaħbat l-ewwel anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-organizzazzjonijiet qed jiltaqgħu wkoll ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u se jkunu qed jorganizzaw konferenza tal-aħbarijiet konġunta fi tmiem iż-żjara tagħhom f’Malta.
L-organizzazzjonijiet huma:
- Reporters Without Borders (RSF);
- The Committee to Protect Journalists (CPJ);
- The European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF);
- The International Press Institute (IPI);
- u PEN International.