Il-Partit Nazzjonalista saħaq li sena mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-poplu għadu qed jistenna li ssir ġustizzja.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li dan “il-qtil huwa minnu nnifsu theddida mill-aktar gravi għad-dritt ta' kull ċittadin għal-libertà tal-espressjoni, għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u għat-tħaddim tar-rule of law f'pajjiżna”
Kompla jisħaq li l-qtil ta' Caruana Galizia ħalla impatt qawwi wkoll fuq it-tħaddim tad-demokrazija u r-reputazzjoni ta' pajjiżna, li wassal għal nuqqas ta' fiduċja f'istituzzjonijiet u jsemmi b’mod partikolari l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fil-Kummissarju tal-Pulizija.
“Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li għal inkjesta awtonoma u indipendenti sabiex jiġi stabbilit x'azzjoni ttieħed mill-awtoritajiet biex il-ġurnalista tingħata l-protezzjoni u jekk dan il-qtil setgħax ġie evitat. Il-poplu qed jistenna li ssir ġustizzja u li jkun hawn il-ħarsien sħiħ tas-sigurtà tal-ġurnalisti u l-whistleblowers. Sena wara, l-mandant ta' dan il-qtil għadu ma nstabx u għadu ma tressaqx quddiem il-ġustizzja,” tkompli l-istqarrija.
Il-Partit Nazzjonalista temm jisħaq li għandu r-rieda u l-ħeġġa li jerġa' jsaħħaħ id-demokrazija u t-tħaddim tar-rule of law filwaqt li terġa' tissaħħaħ ir-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet f'pajjiżna.
"Il-Partit Nazzjonalista ftit li xejn jista' jkun kredibbli" - PL
Il-Partit Laburista, b'reazzjoni, saħaq li l-Partit Nazzjonalista ftit li xejn jista’ jkun kredibbli meta jitkellem dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia "ladarba llum għandu kap li żeblaħha bi kliemu meta kienet ħajja u nies li jappoġġjawh lissnu kliem ta’ theddid fil-konfront tagħha."
Għalhekk, il-PL saħaq li minn dan il-qtil Delia jrid jieħu biss kapital politiku.
"L-istituzzjonijiet f’pajjiżna, li l-Partit Nazzjonalista l-ħin kollu jrid jimmina, waslu biex illum b’dan il-qtil hemm tliet persuni akkużati l-Qorti. Ħasra li l-aġir ta’ esponenti fil-PN tul l-aħħar sena taw x’jinfitiehem li ma jiddejqux ifixklu l-ġustizzja għal għanijiet politiċi partiġjani," tkompli r-reazzjoni.
Il-Partit Laburista temm jgħid li t-talbiet li issa qed jgħamel il-Kap tal-Oppożizzjoni "biex jiġbor ġieħu ma’ fazzjoni li ma tarax għajn m’għajn miegħu" wkoll jistgħu jimminaw l-investigazzjoni li hemm għaddejja.