Silvio Zammit tpoġġa taħt att ta' akkuża dwar tixħim f'negozjati li trattaw il-leġiżlazzjoni tas-snus, li huwa tip ta' tabakk. Zammit allegatament talab li jixxaħħam biex jinfluwenza tibdil fil-liġijiet Ewropej tat-tabakk, hekk kif John Dalli dak iż-żmien kien Kummissarju Ewropew għas-Saħħa. Għal snin twal dan in-negozjant minn Tas Sliema kien kanvasser tal-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli.
Id-Difiża kienet qed tisħaq illi l-Qorti Kostituzzjonali kienet sabet li d-dritt ta' smiegħ xieraq ta' Zammit kien inkiser. L-avukati ta' Zammit qed jakkużaw lill-Avukat Ġenerali b'titubar f'dan il-każ speċjalment fid-dawl tad-deċiżjoni riċenti tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-Prosekuzzjoni qed tinsisti li tinstema' x-xhieda ta' Inge Delfosse, li qed jirrifjuta li jiġi jixhed biex ma jinkriminaw lilu nnifsu.
Il-Maġistrat iddikjarat illi hemm biżżejjed raġunijiet biex Zammit jitpoġġa taħt att ta' akkuża.
Kienet gazzetta Svediża li sena ilu ppublikat 'recording' ta' Zammit, eks kanvasser tal-eks Ministru u Kummissarju tal-UE John Dalli, jitlob għal €10 miljuni mingħand persuna li tippromovi l-industrija tat-tabakk.
Huwa kien akkużat illi prova jixxaħħam b'valur ta' €60 miljun mill-kumpanija Zvediża 'Swedish Match' kif ukoll mingħand il-lobby ETSOC li jippromovi l-industrija ta' 'Smokeless Tobacco', bil-premessa li jinfluwenza bidliet fil-leġizlazzjoni dwar l-isnus. Zammit kien ressaq lill-ETSOC quddiem il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta Belġjana minħabba dak li qal illi kien ksur ta' privatezza wara l-ippublikar ta' recording illi fih jinstema' hu.