Baġit bla taxxi, żieda 'sostanzjali' fil-pensjonijiet u surplus għall-2019
Il-gazzetta ILLUM tibda tiżvela wħud mill-miżuri tal-Baġit, fosthom għajnuna mmirata għal persuni separati...
minn Albert Gauci Cunningham
Ftit sigħat qabel il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jressaq il-Baġit għas-sena 2019 din il-gazzetta tista’ tiżvela illi għada l-Gvern se jħabbar żieda pjuttost sostanzjali fil-pensjonijiet. Din mhux se tkun l-ewwel darba li l-Gvern preżenti se jkun qed iżid il-pensjonijiet għalkemm sorsi qrib il-Gvern li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi dik li se titħabbar għada se tkun l-ikbar żieda fil-pensjonijiet li qatt ħabbar il-Gvern s’issa. Fl-aħħar Baġit il-Gvern kien wiegħed żieda ta’ €2 fil-ġimgħa lill-pensjonanti.
Ta’ min wieħed ifakkar li l-anzjani u l-pensjonanti huma fost l-aktar settur tal-popolazzjoni li jinsabu jew qegħdin fil-periklu tal-faqar.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2017 kien hemm total ta’ 19,971 persuna ta’ ’l fuq minn 65 sena li kienu jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali f’Malta. Meta dan l-ammont jinqasam bejn nisa u rġiel, wieħed jinnota li n-nisa bit-total ta’ 11,281 kienu l-aktar f’riskju ta’ faqar, bl-irġiel jammontaw għal 8,689. Fost dawn 6,082 minnhom huma persuni li jgħixu f’residenza waħedhom.
Imma mhux biss. Din il-gazzetta tinsab infurmata li għal darb’oħra l-Baġit mhu se jkun fih ebda taxxi, kif ġara fl-aħħar snin f’Baġits preċedenti. Il-Ministru Scicluna għada mistenni jħabbar illi l-Gvern se jerġa’ jirreġistra surplus, kemm għas-sena li għaddiet u anke għal dik li ġejja, dan ifisser li l-Gvern daħħal aktar flus milli nefaq.
Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM sostnew illi f’dan is-surplus mhux qed ikunu kkalkulati l-flus li qed jidħlu mill-Individual Investors Programme, jew inkella l-bejgħ tal-passaporti.
Intant, kemm fil-White Paper li kienet ippreżentata din il-ġimgħa kif ukoll f’intrervista li qed tidher f’paġni 12 u 13 qed jingħad illi se jinbidel il-mekkaniżmu illi bih jinħadem is-sussidju li jingħata lil dawk li jikru mill-privat. Kurt Xerri jindika illi dan il-mekkaniżmu se jkun iktar jirrifletti l-qligħ tal-persuna, kif ukoll il-kirja li qed iħallas. Il-prinċipju ta’ dan il-mekkaniżmu huwa wieħed illi permezz tiegħu persuna tkun tista’ tħallas dak li tiflaħ, skont il-paga tagħha, kif wara kollox jagħmlu l-banek meta jagħtu self u jistabilixxu persentaġġ partikolari mill-qligħ ta’ persuna li l-ħlas kull xahar ma jistax jaqbeż. Ħafna drabi l-banek jistabilixxu li l-ħlas tas-self kull xahar ma jistax jaqbeż it-30% tal-qligħ.
Intant fuq l-istess suġġett din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-Gvern se jkun qed iħabbar jew jagħti ħjiel ta’ skema għal xiri ta’ dar minn persuni ’l fuq minn 40 sena, l-aktar biex ikunu indirizzati persuni separati. Kif kien qal il-President tal-Malta Developers’ Association, Sandro Chetcuti u anke Kurt Xerri llum fl-intervista, is-settur ta’ persuni li jisseparaw u jkollhom jikru huma fost l-aktar li jsibu problemi biex ilaħħaqu mal-kera. Dan huwa minħabba raġunijiet diversi, fosthom dipendenza finanzjarja fiż-żwieġ, impjiegi li ma jrendux u l-fatt li l-kirja trid titħallas minn persuna waħda.
Intant il-ġimgħa li għaddiet, rapport fuq il-ġurnal The Times indika li l-ħlas għall-għoli tal-ħajja se jkun dak ta’ €3.33 fil-ġimgħa, €2.30 li joħroġha l-Gvern u €1 li joħroġha l-impjegatur skont il-qbil tal-Ftehim dwar il-Paga Minima Nazzjonali. Ħadd ma ċaħad dan ir-rapport sakemm morna għall-pubblikazzjoni.