Metsola se tħejji liġi ġdida li ssaħħaħ il-fruntieri esterni tal-UE

L-għan tal-liġi huwa li tiġġieled il-kriminalità bejn il-fruntieri u tirrevedi s-sistema tar-ritorn sikur tal-immigranti rregolari, li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni

L-Ewroparlamentari Roberta Metsola se tkun qed tmexxi n-negozjati dwar liġi ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar l-immaniġjar tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport li se tkun qed tħejji Metsola, hu mistenni li jbiddel totalment il-mod li bih huma protetti l-fruntieri tal-Ewropa, bil-għan li tonqos il-kriminalità bejn il-fruntieri, u tirrevedi s-sistema tar-ritorn sikur tal-immigranti rregolari, li ma jkunux eliġibbli għall-protezzjoni fl-Ewropa.

Fl-ewwel kummenti tagħha, Metsola saħqet li dan ir-rapport se jkun is-sinsla tal-liġi Ewropea fl-oqsma tal-immigrazzjoni, l-ażil, il-prevenzjoni tal-kriminalità bejn il-fruntieri, il-kontroll tal-istess fruntieri, kif ukoll ir-ritorn ta’ immigranti rregolari.

Fost oħrajn, din il-liġi se tara li sal-2020, l-UE jkollha forza qawwija ta’ 10,000 gwardji ġodda għall-fruntiera u l-kosta.

“Dan se jkun ifisser li għall-ewwel darba, nkunu kapaċi nirrispondu b’mod immedjat jekk naraw xi kriżijiet tal-immigrazzjoni mal-fruntieri - iżda mhux biss - din il-liġi se tipprovdi lill-UE bl-għodda li għandha bżonn biex tassigura li nkunu kapaċi mhux biss nirrispondu għall-pressjonijiet tal-immigrazzjoni, imma anke niprevenuhom,” kompliet Metsola. “Meta naraw il-pressjoni fuq il-fruntieri ta’ pajjiżi terzi, barra l-UE, irridu nkunu kapaċi li nieħdu l-opportunità ngħinu lil dawn il-pajjiżi jkampaw mal-pressjoni tal-immigrazzjoni. Għandna l-apparat u l-fondi biex ngħinu lil dawn il-pajjiżi jirritornaw lil dawk in-nies li m’humiex eliġibbli għall-protezzjoni.”

Kompliet tgħid li l-prijoritajiet ġenerali jibqgħu s-salvataġġ ta’nies fil-baħar u l-assigurazzjoni d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd ikunu protetti.

More in Politika