Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ikkonfermat dak li kien irrappurtat dalgħodu u qalet li se twarrab mill-kariga ta' Kanċillier fl-2021.
Waqt konferenza f'Berlin, Merkel qalet li wara li tintemm din il-leġiżlatura mistennija tirtira għal kollox mix-xena politika.
Ikkonfermat ukoll li f'Diċembru li ġej mhux se tikkontesta l-elezzjoni biex tkun ikkonfermata bħala ċ-Chairperson tal-Partit Demokratiku Kristjan (CDU).
Jidher li Merkel, waħda mill-mexxejja l-aktar b’saħħithom tal-Unjoni Ewropea, ħadet din id-deċiżjoni wara li l-partit tagħha tilef bi kbir l-elezzjonijiet reġjonali, liema telfa qed theżżeż il-koalizzjoni fraġli tagħha.
Merkel ilha mis-sena 2000 tmexxi l-Partit Demokratiku Kristjan u ilha mill-2005 sservi bħala l-Kanċillier Ġermaniż, pożizzjoni li għalissa għad ma għandha l-ebda intenzjoni li twarrab minnha.