Il-Maġistrat Antonio Mizzi mhux se jkun qed jisma' l-każ tal-Panama Papers wara kollox, hekk kif mexxa s-smigħ tal-każ għal Diċembru, wara li hu jkun irtira.
Kien l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li oġġezzjona li l-każ jinstema' minn Mizzi, minħabba li dan huwa ir-raġel tal-MEP Laburista Marlene Mizzi.
Imma dalgħodu l-Maġistrat Mizzi irritalja u sostna illi li wieħed joqgħod imur mingħand persuna għall-oħra biex jagħżel il-Maġistrat li jixtieq hu, huwa "żball kbir".
"Jiena mhux qiegħed hawn biex noqgħod inżomm ma' xi ħadd. Jiena qatt ma żammejt ma' ħadd u ma jinteressanix mill-partiti politiċi. Jiena dejjem qdejt dmiri mingħajr biża' jew favur. Weġġgħatni u rrabjatni li ntefgħu dubji fuqi," sostna l-Maġistrat Mizzi.