Il-ġid personali f’Malta jaqbeż il-medja fl-UE għall-ewwel darba mill-2014
L-Aġenzija ta’ Kreditu Internazzjonali bbażata fil-Ġermanja, Creditreform Rating, ikkonfermat rating ta’ A+ stabbli għal pajjiżna.
minn Albert Gauci Cunningham
L-Aġenzija ta’ Kreditu Internazzjonali bbażata fil-Ġermanja, Creditreform Rating, ikkonfermat rating ta’ A+ stabbli għal pajjiżna. Fost ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni, l-esperti ta’ Creditreform Rating isemmu li pajjiżna għaddej minn “espansjoni b’saħħitha ħafna li qed tkabbar id-dħul ras għal ras u l-impjiegi” li mistennija tkompli fis-snin li gejjin.
Il-Gvern sostna li l-qagħda finanzjarja hija b’saħħitha b’surpluses li mistennija jkomplu u bid-dejn pubbliku li nieżel sew. L-Aġenzija tinnota wkoll li pajjiżna jibqa’ kkaraterizzat b’qafas istituzzjonali ta’ kwalità għolja ħafna.
“Ir-rapport tal-Creditreform,” jgħid il-Gvern, “iġib fix-xejn il-kritika tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-ekonomija Maltija qed tikber għax qed tiżdied il-popolazzjoni, u mhux għax in-nies qed jaqilgħu iktar.”
L-esperti Ġermanizi, ikomplu jfaħħru l-Gvern, tant li jgħidu hekk; “Ninnotaw li l-Prodott Gross Domestiku (GDP) ras għal ras kiber b’mod dinamiku fil-passat riċenti, bi tkabbir ta’ 29.5%.” Tant żdied il-ġid nazzjonali ras għal ras li l-Creditreform jikkonkludu li “bħala riżultat il-ġid personali qabeż il-livelli tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba minn meta Malta saret membru tal-istess Unjoni Ewropea.”
“Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jara għafsa fid-dħul tal-familji, l-esperti Ġermaniżi jgħidu li l-kunfidenza fost il-konsumaturi wasslet għal tkabbir fid-dħul li mistenni jwassal għal tkabbir fil-konsum privat,” sostna l-Gvern.
Bħala riżultat il-ġid personali qabeż il-livelli tat-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba minn meta Malta saret membru tal-istess Unjoni Ewropea Creditreform Rating
Il-Gvern kompla jgħid illi filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsostni li l-pagi mhux ilaħħqu mal-inflazzjoni, l-esperti Ġermaniżi jgħidu li d-dħul reali għandu jiżdied minħabba l-impjiegi u tkabbir fil-pagi li għandu jagġmel tajjeb għall-inflazzjoni.” Il-Gvern fakkar kif Creditreform qed ibassru titjib fid-dħul nett tal-familji wara l-inflazzjoni ta’ kważi 4% fis-sena.
Ir-rapport tal-Creditreform jirrimarka wkoll fuq is-suċċess tal-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol. L-esperti jgħidu li r-rata ta’ parteċipazzjoni, li storikament kienet ħafna aktar baxxa, issa għall-ewwel darba laħqet dik fiż-żona ewro. Dan kien dovut għall-proviżjoni taċ-child care u diversi miżuri li jinkoraġġixxu nies jirtiraw aktar tard.
“Lil hinn mill-kampanja negattiva u partiġġjana li qed issir kontra pajjiżna, l-analisti oġġettivi tal-Creditreform jikkonfermaw li r-rati ta’ pajjiżna komplew jirriflettu l-kundizzjonijiet ta’ kwalità għolja tal-istituzzjonijiet. Jikkwotaw l-indikaturi tal-Bank Dinji fuq il-governanza, il-qagħda ta’ pajjiżna hija simili għal dik ta’ pajjiżi oħra b’rating ta’ A+.”
Il-Creditreform Rating jinnutaw, jgħid il-Gvern, li l-ħidma li qed issir biex jissaħħu l-MFSA u l-FIAU, fl-istess waqt sar progress tajjeb biex jitħaffu l-proċeduri tal-Qorti. “Filwaqt li fl-2010 każ il-Qorti kien idum 866 ġurnata biex jinqata’, dan il-perjodu diġà tnaqqas għal 446 jum permezz tar-riformi li għamel il-Gvern.”
Filwaqt li jikkonkludu li jaraw illi l-finanzi tal-pajjiż huma b’saħħithom l-esperti ta’ Creditreform Rating ibassru li pajjiżna ser ikollu surpluses, tnaqqis fid-dejn u garanziji minkejja li ser iżid ħafna miżuri soċjali u spiża fuq proġetti kapitali.
Il-Gvern ikkonkluda li “dan ir-rapport pożittiv minn aġenzija internazzjonali huwa konferma oħra ta’ kemm il-pjan biex f’Malta ngħixu s-suċċess huwa bbażat fuq prijoritajiet tajbin u sostenibbli li jlestu dan il-pajjiż għall-futur.”