Il-Belt Valletta dalwaqt se jkollha l-akbar lukanda tagħha hekk kif ix-xahar id-dieħel se jkunu qed jibdew ix-xogħlijiet li se jbiddlu l-binja tal-Embassy ta’ taħt fuq.
Xhur ilu tħabbar li l-Embassy Complex se jkun qed jinbidel f’lukanda ta’ erba’ stilel b’81 kamra, pool u anke ristorant għall-kolazzjon fuq il-bejt.
L-entratura għal-lukanda se tkun fi Strada Stretta.
Dan il-proġett mistenni jkun lest is-sena d-dieħla, bis-swali taċ-ċinema se jimxu mis-sulari ta’ fuq għal dawk taħt il-livell tat-triq.
Il-kumpanija li tmexxi dan il-kumpless spjegat kif fl-aħħar erba’ snin, l-attendenza fiċ-ċinema żdiedet b’mod sinifikanti u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li dawn jinżammu.
Il-kumpless xorta waħda se jkun jinkludi żewġ sulari bil-ħwienet.
Mhux se jkunu qed jiżdiedu sulari u d-dehra tal-binja se tibqa’ kważi l-istess, ħlief għat-twieqi.
Sal-gwerra, din il-binja mibnija fuq medda ta’ 850 metru kwadru, kienet tintuża bħala lukanda qabel intlaqtet mill-bombi waqt attakk mill-ajru.
Fl-1950 nfetħet mill-ġdid bħala ċinema u fl-1999 reġgħet inbniet bħala stabbilliment tal-ħwienet u ċ-ċinema.