George Vella se jkun il-President li jmiss
Joseph Muscat iħabbar li l-President li jmiss li se jkun l-eks Ministru Laburista George Vella
More in Politika
Joseph Muscat iħabbar li l-President li jmiss li se jkun l-eks Ministru Laburista George Vella
Il-Prim Ministru Joseph Muscat għadu kif ħabbar li l-eks Ministru George Vella se jkun l-10 President ta' Malta.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru ħabbar li se jkun qiegħed uffiċjalment jipproponi lil Vella bħala President u dan wara li l-approvazzjoni unanima kemm tal-Kabinett u anke tal-Grupp Parlamentari Laburista.
Aktar tard, il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lill-President Marie-Louise Coleiro Preca għax-xogħol li wettqet fl-aħħar ħames snin u qal li se tkun qed tkompli x-xogħol tagħha permezz tal-Fondazzjoni għall-Benessri tas-Soċjetà.
Following Constitutional consultations, I decided to submit the nomination of @GeorgeWVella as President of #Malta. I am proud of unanimous endorsement by cabinet and @PL_Malta parliamentary group. I am sure Dr Vella will be another unifying figure for our people and country -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) March 5, 2019
Għadu mhux magħruf kif se jkun qed jilqa' din l-aħbar il-Partit Nazzjonalista, wara li fl-aħħar ġimgħat il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jagħżel President mill-kamp tal-Partit Nazzjonalista.
Dan apparti appelli, kemm mill-partiti politiċi u anke mill-Kummissjoni Venezja biex il-President li jmiss ikun magħżul biż-żewġ terzi tal-vot Parlamentari u mhux b'maġġoranza sempliċi.
Min hu George Vella?
George Vella twieled iż-Żejtun u din is-sena jagħlaq 77. Huwa kien gradwa bħala tabib fl-età ta’ 22 sena fejn kien ukoll lettur u fl-Università.
Huwa kien speċjalizza fil-mediċina tal-avjazzjoni u kien appuntat ukoll konsulent mal-Air Malta u mad-dipartiment tal-avjazzjoni ċivili.
Dr Vella kkontesta l-ewwel elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista fl-1976. Huwa ma kienx elett immedjatament iżda b'elezzjoni każwali sentejn wara.
Huwa kiens serva wkoll bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament u fl-1996 kien magħżul ukoll bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Huwa ma kkontestax l-aħħar elezzjoni ġenerali.
'Wieħed mill-ftit politiċi li qatt ma kellu l-iċken dell fuqu'
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, f'filmat fuq Facebook, qal li George Vella għandu l-kwalitajiet essenzjali biex ikompli fejn ħallew il-Presidenti kollha tar-Repubblika.
Huwa ddeskrivih bħala persuna ta' integrità kbira.
"Ftit nista' naħseb f'nies li servew għal snin twal fil-politika u li qatt ma kellhom l-iċken dell fuqhom," qal il-Prim Ministru. "Dan huwa ingredjent importanti ħafna."
Kompla jgħid li George Vella qatt ma fittex il-poter tant li rrifjuta kemm-il darba. "Dan, minnu nnifsu, jagħmlu l-persuna ideali għal din il-kariga," kompla Muscat.
Fakkar ukoll li l-President magħżul għandu esperjenza kbira fir-relazzjonijiet internazzjonali u għalhekk jista' jagħti kontribut importanti fl-irwol internazzjonali ta' Malta.
Temm jirringrazzja lill-President Marie-Louise Coleiro Preca għall-ħidma kollha tagħha. "Ħalliet timbru u effett kbir fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin...kienet simbolu ta' għaqda u ta' kemm in-nisa mxew u se jkomplu jimxu 'l quddiem." qal Muscat.