Kważi 36,000 persuna f'Malta ma jifilħux isaħħnu djarhom fix-xitwa
- Jonsqu dak li ma jaffordjawx btala ta' ġimgħa u li ma jifilħux iħallsu spiża għall-għarrieda
- Jiżdiedu dawk li ma jifilħux isaħħnu djarhom u dawk li waqgħu lura fil-ħlas ta' pagamenti
minn Yendrick Cioffi
Stħarriġ li sar bejn l-2017 u l-2018 madwar l-Unjoni Ewropea, magħruf bħala EU-SILC u li jagħti ħarsa lejn id-dħul u l-kundizzjoni tal-għajxien tal-Ewropej wera kif 7.6% tal-popolazzjoni, jew 35,692 Malti u Maltija ma jifilħux iżommu darhom sħuna fix-xitwa.
Apparti minn hekk,13.9% tal-popolazzjoni Maltija, jew madwar 64,926 persuna, ma jifilħux iħallsu spiża li tiġi fuqhom bħal sajjetta fil-bnazzi.
L-istess stħarriġ sab li 30.6% tal-Maltin, jew 142,871 persuna wieġbu li l-familja tagħhom ma tiflaħx tħallas biex darba f’sena tagħmel btala ta’ ġimgħa u li madwar 37,700 persuna, jew inkella 8.1% tal-popolazzjoni waqgħu lura fil-ħlas tal-kera, il-kontijiet jew pagamenti oħra dwar self.
Kieku wieħed kellu jqabbel dan ir-riżultat ma' dak li kiseb l-istess stħarriġ fis-sena ta' qabel, jirriżulta li kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ persuni li ma jifilħux ma’ spejjeż mhux mistennija u f’dawk li ma jaffordjawx btala ta’ ġimgħa, filwaqt li kien hemm żieda f’dawk li ma jifilħux isaħħnu djarhom fix-xitwa u f’dawk li waqgħu lura f’pagamenti fuq self u kirjiet.
Jiżdiedu bi ftit dawk li huma mċaħħda materjalment
Skont l-istess stħarriġ, meta wieħed jieħu kollox f’salt, ir-rata ta’ dawk il-persuni li huma nieqsa materjalment kienet dik ta’ 8.7%, jew inkella 40,754 persuna, filwaqt li 3.0% tal-Maltin, jew 14,246 persuna huma severament imċaħħda materjalment.
Jekk wieħed iqabbel dawn ir-rati ma’ dawk tas-sena ta' qabel, jirriżulta li kien hemm żieda żgħira ta’ 0.7% fl-għadd ta’ dawk li huma mċaħħda materjalment u tnaqqis ta’ 0.3% f’dawk li huma severament imċaħħda materjalment.
Ir-riżultat joħroġ skont it-tweġibiet mogħtija għall-mistoqisjijiet li jsiru fl-istudju dwar kemm persuni jkunu jifilħu:
- li jlaħħqu ma’ spejjeż li jinqalgħu għall-għarrieda;
- li jħallsu għal btala ta’ ġimgħa l-bogħod mid-dar;
- li jħallsu self fuq id-dar jew kera, kontijiet tad-dawl u l-ilma, u ħlasijiet bin-nifs fuq xiri u self ieħor;
- li jieklu laħam, tiġieġ u ħut kull jumejn;
- li jsaħħnu darhom fix-xitwa;
- kif ukoll jekk għandhomx magna tal-ħasil, sett tat-television bil-kulur, telephone u karozza
Dan iffiser li 40,754 Malti ma jaffordjawx tliet affarijiet minn din il-lista, filwaqt li 14,246 ma jistgħux jaffordjaw erba’ minn dawn il-fatturi.
'F'ħames snin l-għadd ta' persuni mċaħħda materjalment naqas b'25,000 persuna'
Intant, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali saħaq li dan l-istħarriġ wera kif komplew jonqsu dawk il-persuni mċaħħda materjalment severament.
Il-Ministru Michael Falzon qal li din ir-rata hija l-anqas li qatt ġiet reġistrata f’Malta minn mindu bdiet tinġabar din l-istatistika mill-2005 u turi tnaqqis ta’ kważi 25,000 persuna mill-2013.
Il-Ministeru kompla jispjega kif ir-rata ta’ ċaħda materjali severa f’Malta llum hija terz ta’ dik li kienet fl-2013 u hija n-nofs tal-medja fl-UE fejn hemm 6.6 % waqt li hija fost l-anqas fl-Ewropa u qrib ħafna ta’ rati reġistrati f’pajjiżi fl-Ewropa tat-Tramuntana; bħad-Danimarka, l-Olanda u l-Finlandja.
Dwar iż-żieda f’dawk li ma kinux f’qagħda li jlaħħqu mal-ħlasijiet ta’ self u l-pagamenti tal-kera, il-Ministeru saħaq li din hija realtà li tfaċċat f’dawn l-aħħar snin bħala riżultat tas-suċċess ekonomiku tal-pajjiż u l-influss ta’ ħaddiema barranin fostna.
“Dan il-Gvern huwa soċjalment konxju ta’ din il-problema tant li mill-ġdid għal din is-sena ssawru għadd ta’ miżuri fil-budget biex jilqgħu għall-isfidi li ġabet magħha d-domanda għall-aktar akkommodazzjoni affordabbli,” kompliet l-istqarrija.
Fakkar li l-Gvern qed jindirizza din il-problema, fosthom bl-iskema l-ġdida li tipprovdi benefiċċji ogħla fuq il-kera mħallsa fuq residenzi mikrija mill-privat u għall-ewwel darba qiegħed jiġi kkalkulat mhux biss fuq id-dħul tal-applikanti, iżda anke fuq in-nefqa tagħhom fuq il-kera.
Ir-rati massimi ta’ benefiċċju jvarjaw bejn €3,600 u €5,000 fis-sena skont id-daqs u d-dħul tal-familja.