Aġġornata | Il-Gvern jirreġistra defiċit ta' aktar minn €70 miljun

Il-Gvern jisħaq li hemm fatturi li ma jittieħdux inkonsiderazzjoni fl-istatistika iżda li jfissru li l-finanzi tal-gvern reġgħu kienu f’surplus fl-2018

Matul is-sena li għaddiet il-Gvern għamel defiċit ta’ €70.2 miljun fil-Fond Konsolidat.

Madanakollu, dan id-defiċit mhux qed jieħu kont tad-dħul ipproġettat li l-Gvern kien għadu ma daħħalx.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, matul is-sena li għaddiet, id-dħul totali tal-Gvern kien dak ta’ €4,559.8 miljun, jiġifieri €268.6 miljun jew 6.3% ogħla minn dak tas-sena ta’ qabel.

Dan kien riżultat l-aktar taż-żieda tad-dħul mill-VAT u s-Sigurtà Soċjal.

Mill-banda l-oħra, in-nefqa totali tal-Gvern matul l-istess sena kienet tammonta għal €4,630 miljun jew inkella 12.7% aktar mis-sena 2017.

In-nefqa kapitali tal-Gvern ukoll irreġistrat żieda ta’ €254.8 miljun meta kkumparata mal-2017 biex b’kollox kienet tammonta għal €605 miljun.

Dan kien riżultat l-aktar taż-żieda fin-nefqa rrappurtata fuq il-fondi strutturali tal-Unjoni Ewopea 2014-2020 u anke x-xogħlijiet fit-toroq fost oħrajn.

Id-differenza bejn id-dħul u n-nefqa totali rriżultat f’defiċit ta’ €70.2 miljun fil-Fond Konsolidat. Fl-2017, il-Gvern kien għalaq b’surplus ta’ €182.7 miljun.

'Kieku l-Gvern ma żidx in-nefqa kapitali kien ikollu surplus rekord' - Il-Gvern

Intant, aktar tard fi stqarrija, il-Gvern innota kif fl-2018 wettaq l-akbar ammont ta’ spiża kapitali fl-istorja ta’ pajjiżna. 

Il-Gvern innota kif b’kuntrast, fl-aħħar sena qabel il-bidla fl-amministrazzjoni, l-ispiża kapitali kienet laħqet €364 miljun biss. Dan ifisser, tispjega l-istqarrija, li għal kull tliet ewro minfuqa fl-2012, fl-2018 ġew investiti ħames ewro fi proġetti kapitali.

Din l-istess żieda, jispjega l-Gvern, tispjega għal kollox il-bidla fil-qagħda tal-Fond Konsolidat.

"Fil-fatt, li kieku fl-2018 il-gvern għażel li jżomm l-ispiża kapitali fil-livell tal-2017, kieku l-Fond Konsolidat kien ikollu surplus rekord ta’ €185 miljun, jiġifieri ftit iktar mis-surplus osservat sena qabel," kompliet l-istqarrija.

Apparti minn hekk, l-Gvern innota li matul l-2018 kompla jkun hemm żieda "qawwija" fid-dħul.

"Dan it-tkabbir fid-dħul għamel tajjeb għaż-żieda fl-ispiża rikurrenti li seħħet matul l-2018. Iż-żieda fid-dħul tal-gvern kienet tirrifletti tkabbir minn sorsi bħal: income tax, VAT u bolla li bejniethom raw żieda ta’ 8.6% fuq l-2017 - konferma ta’ kemm is-sena li għaddiet l-ekonomija Maltija kompliet tiġġenera ġid akbar għall-ħaddiema u għan-negozji," kompla l-Gvern.

Kompla jispjega kif "il-galbu fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi," wassal biex l-ispiża fuq imgħax fuq id-dejn nazzjonali fl-2018 waqgħet bi €11 miljun, jiġifieri 5% anqas minn sena qabel, tant hu hekk li l-2018 kienet it-tieni sena konsekuttiva li fiha d-dejn tal-Gvern Ċentrali naqas.

Id-dejn tal-Gvern Ċentrali fi tmiem l-2018 kien €156 miljun anqas milli kien f’Diċembru tal-2016.

Il-Gvern spjega wkoll kif l-istatistika fuq il-Fond Konsolidat tirrifletti biss b’mod parzjali l-qagħda fiskali tal-gvern skont il-kejl tal-Unjoni Ewropea.

"Fost l-oħrajn dan il-kejl fih dħul li ma jidħolx fil-Fond Konsolidat. L-andament tal-Fond Konsolidat ġieli jkollu fih ukoll spejjeż li jkunu tħallsu f’sena imma li jkunu dovuti għal snin preċedenti filwaqt li jeskludi arretrati fid-dħul mit-taxxi. L-indikazzjonijiet huma li meta dawn il-fatturi jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-finanzi tal-gvern reġgħu kienu f’surplus fl-2018," temmet tinsisti l-istqarrija.

'Il-Ministeru għall-Finanzi naqas kważi mill-obbligazzjonijiet kollha tiegħu'

L-Oppożizzjoni saħqet li l-Ministeru għall-Finanzi naqas minn kważi l-obligazzjonijiet kollha tieħu u talbet lill-Ministru għall-Finanzi biex jispjega kif se jsolvi dak li qed issejjaħ bħala tnaqqis serju fil-finanzi tal-Gvern.

Fi stqarrija, l-Oppożizzjoni nsistiet li fl-aħħar snin il-Gvern naqas milli jimxi mal-prattiċi tajba tal-governanza u semmiet fost oħrajn kif il-Ministeru għas-Saħħa, qabel l-aħħar elezzjoni, impjega diversi ħaddiema lejlet l-elezzjoni u li qed ifissru spiża annwali ta' €2 miljun.

Fakkret ukoll fir-rapport annwali dwar Malta tal-Kummissjoni Ewropea u li ġibed l-attenzjoni dwar il-fatt li d-dħul tal-Gvern qed ikun ibbażat fuq dħul ta' darba, fosthom mill-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment.

Waqt li kompliet tispjega każijiet oħra, l-istqarrija saħqet li minn dawn il-prattiċi korrotti qed ikun il-poplu li qed ibati l-konsegwenzi tagħhom.

More in Politika