"Filwaqt li pajjiżna għada se jkun qed ifakkar il-Ħelsien tiegħu mill-ħakma kolonjali Ingliża, dan il-jum se jkun qed jiġi ċċelebrat taħt il-ħakma tal-ispekulaturi li qed jisfruttaw lill-pajjiżna għall-gwadann ta’ ftit nies." Hekk sostna fi stqarrija l-Moviment Graffitti
"Aħna ninsabu fit-tielet jum tagħna fil-kamp Assedju PA fejn qegħdin simbolikament nassedjaw lill-Awtorità għall-Ippjanar li qed tassedja lill-pajjiżna bi żvilupp bla rażan li qed jgħarraq il-kwalità tal-ħajja tagħna u jikkomprometti l-futur tagħna fuq din il-gżira."
Il-Moviment kompla jgħid li għal għexieren ta’ snin, il-klassi ta’ negozjanti kbar akkumulat poter spropozjonat f’pajjizna, "bir-riżultat li l-politika spiċċat skjava li takkomoda lil din il-klassi. Il-policy dwar il-pompi tal-petrol hija eżempju ċar ta’ dan kollu."
"Preżentament hemm 14-il applikazzjoni għal pompi tal-petrol fuq art ODZ, b’erbgħa minnhom diġà approvati, u oħrajn li għadhom jiġu pproċessati. Flimkien, dawn ikopru biċċa art kbira li fiha daqs ħames darbiet il-Fosos tal-Furjan," fakkru. .
"Jeħtieġ li l-poplu jiġġieled b’saħħtu kollha kontra din il-ħakma min-negozjanti l-kbar u l-politikanti sħabhom, li qed tħarbat l-ambjent ta’ pajjiżna u tgħaddi bħal gaffa minn fuq l-interessi tal-maġġoranza tan-nies. Nittamaw li jasal il-jum meta nkunu nistgħu niċċelebraw il-ħelsien mill-ħakma tal-ispekulaturi," temmet tgħid l-istqarrija.