‘Il-Gvern jieħu €6 miljuni mingħand erba’ Kunsilli u ma jgħidilhom xejn’
Is-Sindku Slimiż u Kunsillier fl-Imsida jikkonfermaw li saru jafu li ttieħdu l-flus b’kumbinazzjoni
minn Albert Gauci Cunningham
Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li l-Gvern qabad u ħa fondi li, skont is-Sindku Slimiż fost oħrajn, huma ġeneralment u bħala prassi riservati għal lokalitajiet u użati mill-Kunsilli Lokali, mingħajr lanqas biss informa lill-istess Kunsilli b’dan. Dan jidher illi sar biex ikun jista’ jibni parkeġġ kbir fl-Università ta’ Malta.
Din il-gazzetta tista’ tiżvela illi l-Gvern mingħajr ma informa lill-Kunsilli rispettivi, ġibed miljuni ta’ fondi miġbura mill-iskema UIF u li jkunu għand l-Awtorità tal-Ippjanar. L-ILLUM hija infurmata illi b’kollox il-Gvern ħa mas-€6 miljuni mill-flus allokati lil Tas-Sliema, San Ġiljan, il-Gżira u l-Imsida.
Sorsi li kellmu lill-ILLUM sostnew illi il-Gvern ħa €2 miljuni mill-fondi allokati u li jintużaw mill-Kunsill ta’ Tas-Sliema, xi ħaġa li fil-fatt kienet ikkonfermata ma’ din il-gazzetta mis-Sindku Slimiż Anthony Chircop. L-ILLUM tinsab infurmata wkoll illi ttieħdu fondi li kienu riżervati għal San Ġiljan għall-ammont totali ta’ €2 miljuni oħra, xi ħaġa li kienet ikkonfermata mill-Viċi Sindku Albert Buttigieg. Intant l-eks Kunsillier Laburista u kandidat indipendenti Misidjan Lino Bartolo kkonferma li dan kien il-każ fl-Imsida wkoll, fejn is-sorsi spjegaw illi l-Gvern ħa mat-€800,000 mill-fond bil-flus li suppost ikunu użati għal-lokalitajiet.
Finalment, is-Sindku tal-Gżira kkonferma wkoll li l-Gvern ħa madwar €1 miljun oħra mill-UIF.
Il-UIF huwa fond illi fih jidħlu flus minn multi li jħallsu żviluppaturi u/jew negozji li ma jkunux jistgħu joħolqu biżżejjed garaxxijiet li jkun hemm bżonn skont mekkaniżmu li jaħdem kemm-il spazju ta’ parkeġġ irid joħloq l-iżviluppatur/negozjant. Fi kliem sempliċi jekk żviluppatur se jibni blokka kbira ta’ 50 appartament, imma se jibni biss 20 garaxx irid jħallas multa għal madwar 25-30 karozza li mhux qed iforni spazju ta’ parkeġġ għalihom.
Mal-ILLUM Anthony Chircop jispjega kif il-flus minn din l-iskema, għalkemm m’hemm xejn definit, bħala prassi kienu dejjem imorru għand il-Kunsilli għal proġetti differenti.
L-aktar li urta lil Chircop, Bartolo u Buttigieg kien il-fatt illi l-Gvern m’għarrafx lill-Kunsilli illi se jkun qed jieħu dawn il-flus meta wħud mill-Kunsilli kienu diġà qed jaħdmu fuq proġetti diversi.
Bartolo sostna illi l-Kunsill tal-Imsida induna biss meta mar biex jagħmel il-proġett biex ikun irranġat il-promenade tal-lokalità. Hu sostna illi meta rrikorrew għal dawn il-flus instab li minn madwar €1.2 miljun kien għad fadal €400,000.
Is-Sindku ta’ Tas-Sliema kkonferma li l-Kunsill sar jaf biss li ttieħdu dawn il-flus wara li bdew laqgħat dwar proġetti diversi, fosthom bandli ‘state of the art’ u parkeġġ taħt l-art kif ukoll latrini. “Aħna konna nafu li kellna l-massimu, jiġifieri madwar €5 miljuni. Meta konna qed naħdmu fuq il-proġetti f’laqgħa partikolari qalulna li fadal €3 miljun. U hemmhekk il-Kunsill Slimiż sar jaf illi ttieħdu €2 miljuni għal dan il-parkeġġ. Mank qalulna.”
Buttigieg mhux biss ikkonferma, iżda qal illi l-Kunsill qed jagħmulhielu diffiċli “jaċċettaw il-proposti tagħna dwar kif nistgħu nużaw il-flus.”
Chircop sostna illi għalkemm m’hemm xejn ħażin f’li jsir parkeġġ għall-Università, imma meta qed jintużaw fondi għal Tas-Sliema għandu jkun hemm xi forma ta’ benefiċċju lil-lokalità. “Hawnhekk mhux qed isiru proġetti li se jolqtu direttament lis-Slimiżi... wara ħafna pressjoni min-naħa tagħna ntlaħaq qbil biex dawk il-proġetti li ressaqna sal-aħħar tas-sena l-oħra jkunu approvati jibdew. Imma issa minn din is-sena rridu nistennew li l-fond jerġa’ jimtela biż-€2 miljuni li ħa l-Gvern.”
“Issa għalkemm se jħalluna nibdew xi proġetti li ressaqna sal-aħħar tal-2018, biex nagħmlu proġetti ġodda rridu nistennew sakemm jkollna aktar minn €2 miljuni fil-fond. €2 miljuni ma nġibuhomx mil-lum għal għada,” irrimarka s-Sindku Slimiż, “probabbilment mhux se napplikaw għal aktar proġetti din is-sena żgur.”
Intant is-Sindku Conrad Borg Manche sostna illi hu ma kienx infurmat għalkemm seta’ ntbagħat komunikat lis-segretarju tal-kunsill. Hu sostna illi “jekk isir dan il-proġett ikun qed jgħin ħafna mill-problema tat-traffiku u karozzi fit-toroq.”