Mis-Sigurtà għall-Ambjent; Il-proposti tal-PN u l-PL biex jirbħu l-lokalitajiet l-aktar missielta
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-proposti li qed jagħmlu l-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista għal dawk il-lokalitajiet l-aktar missielta
minn Yendrick Cioffi
Inqas minn ħmistax oħra, il-lokalitajiet kollha f’Malta u f’Għawdex se jkollhom kunsill lokali ġdid. Kemm il-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista ħarġu manifesti elettorali differenti għal kull lokalità, b’diversi proposti u wegħdi li fuqhom se jkunu qed jaħdmu dawk il-kunsilli mmexxija minnhom.
Uħud mill-proposti huma ġenerali u japplikaw għal-lokalitajiet kollha, bħall-ħidma fuq it-toroq u s-sigurtà, tant li huma ripetuti fil-manifesti kollha. Oħrajn huma speċifiċi għall-bżonnijiet tal-lokalità partikolari u l-ILLUM se tħares lejn dawn il-proposti.
Din il-gazzetta se tħares lejn dak li ż-żewġ partiti l-kbar qed jipproponu li jsir f’ħames lokalitajiet differenti, jiġifieri fir-Rabat (Malta), Birkirkara, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.
Għażlet dawn il-lokalitajiet għax huma lokalitajiet li dejjem kienu missielta miż-żewġ partiti jew inkella għax id-distakk bejn il-PN u l-PL, fl-aħħar elezzjoni lokali, tant kien żgħir li ftit li xejn wieħed jista’ jbassar min se jirbaħ il-maġġoranza.
Il-Mellieħa: minn lift sal-pjazza għal mużew tal-għasel
Fil-Mellieħa d-distakk mhuwiex xi wieħed kbir. Fl-aħħar elezzjoni lokali li saret fl-2013, id-distakk kien ta’ 279 vot biss. Hija lokalità interessanti għax hija prova ta’ kemm kull vot jgħodd. Fl-2008, il-Partit Laburista ġab il-maġġoranza tal-voti, iżda l-Partit Nazzjonalista, minħabba s-sistema tal-wirt tal-voti, eleġġa aktar siġġijiet, u spiċċa biex iggverna hu.
X’qed joffru l-partiti politiċi għall-Mellieħa?
Il-Partit Laburista qed jipproponi li:
- Jinbena parkeġġ pubbliku ġdid taħt l-iskola primarja li jkun jinfed għaż-żona kummerċjali ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier
- Tkun studjata l-possibbilità li jiġi installat lift biex itejjeb l-aċċess għall-pjazza ewlenija
- Jinħoloq ġnien fuq l-art mitluqa fl-inħawi tal-Mellieħa Heights u jkunu proposti żoni ta’ rikreazzjoni u park għall-klieb fiż-żoni ta’ Selmun
- Tinbena mill-ġdid Triq il-Parroċċa u jiġu installati sistemi ta’ culverts ġodda b’sistema ta’ dawl u komunikazzjoni ġodda taħt l-art
- Isir studju dwar is-sistema tal-ilqugħ tal-ilma fil-widien
- Jinżamm manutenzjoni fil-bajjiet u jsir xogħol fuq il-mollijiet, slielem u r-railings bil-bajjiet ikunu aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li:
- Jiżdiedu l-ispazju miftuħa fil-lokalità, fosthom belvedere fi Triq l-Assedju l-Kbir
- Proġett li jagħti dehra moderna lill-pjazza tal-Mellieħa u jinstab lok għal latrina pubblika
- Studju estensiv dwar l-impatt tat-traffiku fil-Mellieħa u dwar dan issir konsultazzjoni mar-residenti u n-negozji
- Issir insistenza għall-preżenza tal-pulizija jew uffiċjal tal-komunità quddiem l-iskola fil-ħin tad-dħul u l-ħruġ
- Jiġu identifikati aktar żoni pedonali bħalma sar f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa
- Jitneħħew il-cables madwar il-Mellieħa li ma għadx hemm bżonnhom
- Jitkompla l-proġett ta’ dawl permanenti mal-faċċata tal-Knisja u jiġi installat lift mas-sur li hemm biswit il-knisja
- Il-Kunsill jaħdem biex il-Forti Campbell jgħaddi f’idejn il-Kunsill
- Jitnieda proġett biex binja fil-Park tal-Majjistral li fl-2010 għaddiet f’idejn il-Kunsill tinbidel f’mużew tal-melħ u l-għasel
- Jitqabbdu artisti Melliħin biex isebbħu t-turġien ewlenin ta’ madwar ir-raħal
- Jibda proċess biex jissaqqaf il-grawnd fil-Park tal-Familja b’tinda li tinfetaħ u tingħalaq
- Tibqa’ għaddejja ħidma biex jinstab sit għal Sala tal-Komunità
- Iż-żona magħrufa bħala Tat-Tunnara terġa’ tingħata lis-sajjieda Melliħin
- Ikun studjat servizz ta’ vann mil-lukandi għaċ-ċentru tar-raħal
- Il-Kunsill jaħdem biex iżid is-servizz offrut fiċ-ċentru tas-saħħa f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa u jesplora l-possibbilità li fis-sajf ikun offrut is-servizz ta’ ambulanza stazzjonata fl-istess ċentru
- Tkun kunsidrata l-idea li quddiem il-knisja tal-Manikata ssir żona pedonali u jsir avveniment annwali fl-istess żona
- Jerġgħu jiġu organizzati l-attivitajiet: “L-Isportivi Melliħin tas-Sena,” “Il-Jum Sportiv,” “L-Iljieli Melliħin,” “Milied Mellieħi u “l-Mellieħa Gardens by Night.”
Ir-Rabat: il-partiti jenfasizzaw fuq it-tisbiħ taż-żoni miftuħa
Sal-2006, iż-żewġ partiti l-kbar kienu ras imb ras f’din il-lokalità iżda fl-2013, il-Partit Laburista rebaħ b’distakk ta’ 988 vot. Fl-aħħar ġimgħat kien għaddej battibekk wara li s-Sindku Rabti, Charles Azzopardi ma tħalliex jikkontesta mill-Partit Laburista u għamel żmien jidher fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista. L-ILLUM żvelat kif dan qed ikun investigat fuq allegazzjonijiet ta’ miżapproprijazzjoni u korruzzjoni iżda hu qed jisħaq li ma għamel xejn ħażin.
Il-Partit Laburista qed jipproponi li:
- Tkun studjata l-possibbilità li ċ-ċentru ċiviku jimxi għall-binja li tkun tista’ tospita day centre u night centre għall-anzjani
- Issir pressjoni mal-awtoritajiet biex tinfetaħ dar tal-anzjani
- Jinbena out door gym fiż-żona tan-Nigret u jsir xogħol ta’ tisbiħ fuq Pjazza San Duminku, il-belvedere tal-Virtù u l-Ġnien f’Għar Barka
- Jitlesta l-proġett tal-Ġnien ta’ Bir Iljun
- Isiru diskussjonijiet biex il-grawnd tal-iskola tal-Baħrija jkun aċċessibbli anke wara l-iskola
- Isir tindif tal-widien u jitħawlu aktar siġar
- Isir xogħol fl-inħawi taċ-Chadwick Lakes, Wied il-Bużbież, Għar Barka, In-Nigret u parti mit-triq tal-Virtù
- Issir mogħdija kulturali mad-dawra tal-lokalità u jsir restawr ta’ diversi siti storiċi, fosthom niċeċ, il-kappella medjevali tas-Sanċir u l-Palazz tal-Isqof
- Tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar fi Triq il-Kulleġġ u ssir pressjoni biex titlesta s-sistema tad-drenaġġ fil-periferija tar-Rabat
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li:
- Isir xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fi Ġnien Bir Iljun u fi Ġnien Għar Barka u jitkompla l-pavimentar tal-isqaqien fiċ-ċentru tal-lokalità
- Issir art ġdida tal-lastiku fil-ġonna u jinbnew ċnut ta’ lqugħ għas-sigurtà tat-tfal fl-istess ġonna
- Tkun esplorata l-possibbilità li jinfetaħ Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità biex ma jibqax ikollhom għalfejn jattendu fiċ-ċentri ta’ Ħad-Dingli u tal-Imtarfa.
Birkirkara: l-għargħar u t-traffiku fiċ-ċentru tal-proposti
Din il-lokalità xi darba kienet ‘fortizza tal-Partit Nazzjonalista’ iżda fl-2013 il-Partit Laburista ħa spinta kbira ’l quddiem biex rebaħ il-Kunsill Lokali b’127 vot. Bla dubju, din il-lokalità hija waħda mill-aktar missielta miż-żewġ partiti.
X’qed joffru l-partiti politiċi għar-Rabat?
Il-Partit Laburista qed jipproponi li:
- Isir modernizzar taċ-ċentru tas-saħħa u jsiru diskussjonijiet biex ikun estiż il-ħin tal-ftuħ
- Tkompli l-ħidma biex tinfetaħ dar tal-anzjani
- Tinħoloq żona rikreattiva ġdida fiż-żona tas-Swatar
- Jitlesta fl-inqas żmien il-proġett ta’ tisbiħ u pavimentar madwar il-Bażilika ta’ Santa Elena
- Ikunu indirizzati aħjar ir-residenti tal-Imrieħel, il-Laqxija, Ta’ Paris, is-Swatar, l-Infetti, Fleur De Lys u tal-Mitħna
- Tinstab soluzzjoni permanenti għall-ħsara li ġarrab il-pavimentar fi Triq Tumas Dingli
- Jinfetaħ mużew dwar l-istorja tal-ferrovija fi Ġnien l-Istazzjon u sala għall-użu tal-komunità
- Ikun ipprovdut servizz ta’ green shuttle bus lejn iċ-ċentru ta’ Birkirkara
- Mal-istudenti tal-MCAST tkompli l-ħidma għal aktar restawr ta’ niċeċ u statwi
- Tkompli l-ħidma biex jittaffew il-problemi tal-għargħar u tad-drenaġġ
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li:
- Ħidma biex tkompli tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar
- Pjan għall-amministrazzjoni tat-traffiku li jagħti importanza lill-problemi li hemm f’Ta’ Paris u fil-qalba ta’ Birkirkara
- Ikompli l-proġett ta’ tisbiħ tat-toroq antiki u tal-isqaqien b’fanali tradizzjonali u pavimentar.
- Ikompli l-proġett ta’ restawr ta’ niċeċ u statwi
- Jerġa’ jsir il-heritage trail minn Ġnien l-Istazzjon saċ-Ċentru ta’ Birkirkara
- Jibqa’ jiġi organizzat Jum Birkirkara u jiżdied l-involviment tar-residenti
L-Imsida: l-indafa u t-traffiku jingħataw prijorità
Jekk hawn lokalità fejn ir-riżultat ftit li xejn jista’ jitbassar hija l-Imsida. Fl-Imsida seħħ il-kuntrarju ta’ dak li ġara f’lokalitajiet oħra. Il-Partit Nazzjonalista żied ħafna voti, tant li fl-aħħar elezzjoni lokali, il-vantaġġ għall-Partit Laburista kien dak ta’ 27 vot. Wieħed irid jara wkoll x’impatt se jkollu l-kandidat indipendenti Lino Bartolo li rriżenja mill-Partit Laburista ftit tal-ġimgħat ilu u li fetaħ il-kanuni kontrih ma’ din il-gazzetta. Fil-fatt, din hija waħda mil-lokalitajiet li l-Partit Laburista qed jibża’ li jitlef.
Il-Partit Laburista qed jipproponi li:
- Issir ħidma mal-Gvern biex tkun indirizzata l-problema tat-traffiku
- Jitwettaq il-pjan għar-riġenerazzjoni tax-xatt tal-Imsida u jiġu installati faċilitajiet sanitarji ġodda
- Jitlesta x-xogħol fuq il-ġnien fil-parti ta’ wara ta’ Misraħ San Ġużepp
- Issir ħidma biex l-Imsida jkollha skola primarja ġdida b’ċentru għall-komunità
- Issir ħidma mal-Gvern ċentrali biex ikun irrestawrat l-Għajn tal-Ħasselin
- Tissaħħaħ il-konnettività bejn is-Swatar u ċ-ċentru tal-Imsida
- Isir aktar investiment fis-sistema kontra l-għargħar
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li:
- Tkun imendija App apposta biex tgħarraf lir-residenti u s-sewwieqa dwar xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswijiet li jkunu se jsiru fit-toroq
- Jinħolqu aktar spazji għal parkeġġ, fosthom fiż-żona ta’ quddiem l-għassa u biex l-iskema ta’ parkeġġ riservat għar-residenti tkun estiża għall-Imsida
- Tkompli tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar li ilha ġġarrab l-Imsida
- Isir tindif regolari tax-xatt ta’ quddiem il-knisja biex jitneħħa d-drenaġġ u l-ħmieġ li jinġabar maż-żmien filwaqt li jkunu installati kameras biex jinqabdu dawk li jabbużaw fejn jidħol rimi illegali
- Tkun studjata l-possibbilità ta’ skips taħt l-art biex jitneħħew ħafna mill-irwejjaħ u l-indafa tingħata prijorità
- Issir pressjoni biex jitlesta x-xogħol għall-iskola primarja
- Tibqa’ tiġi organizzata l-attività Jum L-Imsida u tittella’ attività kull sena li tkun parti mill-kalendarju tal-lokalità
San Pawl il-Baħar: minn ċentru tas-saħħa għal aktar tisbieħ u ndafa
Oriġinarjament, il-Partit Nazzjonalista kien għamel żmien jirbaħha b’maġġoranza komda. Illum iż-żewġ partiti spiċċaw ras imb ras, fejn saħansitra fl-elezzjoni lokali tal-2012, il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ il-maġġoranza. Fl-aħħar kunsill, elett fl-2015 u mmexxi mill-Partit Nazzjonalista spikkaw ir-riżenji, inkluż tas-Sindku Graziella Galea li tilfet l-appoġġ ta’ wħud mill-kollegi tagħha stess. Ta’ min ifakkar li l-akbar partit f’dan il-lokal huwa ta’ dawk li jibqgħu d-dar u ma joħorġux jivvutaw.
X’qed joffru l-partiti politiċi għal San Pawl il-Baħar?
Il-Partit Laburista qed jipproponi li:
- Il-binja tal-kunsill lokali tkun irrilokata f’bini ġdid li jkun jinkludi ċentru ċiviku li jkun jinkludi ċentru tas-saħħa u parkeġġ taħt l-art
- Aktar infurzar fejn tidħol iż-żamma tal-ordni, il-konstruzzjoni, l-ambjent u l-indafa
- Isiru xogħlijiet ta’ tisbiħ mad-dawra tax-xatt, fil-pjazza ta’ Buġibba, fiż-żona ta’ San Franġisk u l-akwati ta’ Triq il-Luzzu u l-Menqa
- Ikunu indirizzati l-ħtiġijiet tar-residenti ta’ Burmarrad, ix-Xemxija, il-Qawra, il-Wardija u l-Imbordin
- Titnieda diskussjoni biex ikun hemm servizz ta’ saħħa usa’ għar-residenti tal-lokal u l-madwar
- Jitlesta l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-klabb tal-akwatiku tas-Sirens li se jinkludi gym u indoor pool
- Isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-playing fields eżistenti u jsir riġenerazzjoni tal-bandli ta’ Burmarrad u l-Veċċ tal-Qawra
- Meta jitlesta l-bini tal-iskola l-ġdida, il-faċilitajiet tal-iskola jkunu jistgħu jintużaw wara l-ħin
- Ikun żviluppat servizz ta’ park and ride għaċ-ċentru tal-lokal
- Isiru xogħlijiet fuq il-mollijiet, il-marinas u jiġi identifikat post għaż-żamma tad-dgħajjes żgħar
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li:
- Tliet kunsilliera jkunu ffukati fuq ix-Xemxija, Burmarrad, Buġibba, il-Qawra u l-Wardija. Kull sena erba’ laqgħat tal-kunsill isiru fihom
- Il-kunsill ikollu binja fil-qalba tal-lokal u jkun hemm uffiċċji fergħat tal-kunsill f’Buġibba u l-Qawra
- Jiżdiedu l-ispazji miftuħa fil-lokalità
- Isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tisbiħ tul il-belvedere tal-lokalità, isir dawl u pavimentar ġdid u anke jsiru xogħlijiet fix-Xemxija wara l-ħsara li kkawżat il-Grigalata ta’ Frar
- Tkun studjata l-possibbilità ta’ skips taħt l-art biex jitneħħew ħafna mill-irwejjaħ u l-indafa tingħata prijorità
- Jiġi implimentat il-ftehim ta’ koperazzjoni ffirmat mas-Sirens Waterpolo Club biex il-pixxina tkun disponibbli għall-komunità u għall-istudenti tal-iskola primarja
- Jiżdiedu l-attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar San Pawl il-Baħar u l-Gżejjer ta’ San Pawl fost ir-residenti
- Ikun ippubblikat studju dwar il-qagħda soċjali fil-lokalità biex il-kunsill jaġġorna l-politika tiegħu skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà
- Ikun hemm ċentru tas-saħħa fil-lokalità
- Jittejjeb is-servizz taċ-ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani tal-lokalità u jkun estiż is-servizz tar-residenti li jinqdew mill-Qawra Leap Centre
- Jinfetaħ ukoll ċentru għal matul il-lejl
IL-PL u L-PN jaqblu fuq ħafna proposti
Filwaqt li ż-żewġ partiti għamlu proposti speċifiċi għal kull lokalità, kif rajna fil-kaxxi l-oħra, ħarġu wkoll bi proposti oħra ġenerali jiġifieri dawk il-proposti li ż-żewġ partiti qed iwiegħdu li jwettqu fil-lokalitajiet kollha fejn jingħataw il-maġġoranza.
Il-Partit Laburista kien xi ftit aktar organizzat mill-Partit Nazzjonalista fil-mod kif ippreżenta l-proposti tiegħu, għax fired il-proposti ġenerali minn dawk speċifiċi, għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista li ppreżenta l-proposti ġenerali u speċifiċi flimkien, tant li l-proposti jidhru xi ftit jew wisq ripetittivi minn lokalità għall-oħra.
Madanakollu, fost il-proposti ġenerali, iż-żewġ partiti diversi drabi qablu, fosthom meta jitkellmu dwar l-importanza tal-indafa, il-ħidma favur is-separazzjoni tal-iskart, ix-xogħlijiet fit-toroq, proġetti ta’ tisbiħ, aktar spazji miftuħa, spazji ta’ tħawwil, il-community policing u anke s-servizzi offruti għall-anzjani.
Hemm imbagħad proposti oħra ġenerali li huma speċifiċi għaż-żewġ partiti. Fost dawn il-Partit Laburista qiegħed jipproponi li:
- Il-karozzi li jinxtraw mill-kunsilli jkunu elettriċi u jiġu installati aktar charging point
- Jiġu introdotti aktar rotot tat-trasport pubbliku biex jinħolqu żoni mhux milħuqa
- Ikun offrut servizz ta’ trasport b’xejn għall-anzjani u għat-tfal membri fl-għaqdiet volontarji meta jkun qed jirrappreżentaw lil-lokal
- Installazzjoni ta’ aktar smart parking technologies
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi:
- Instalazzjoni ta’ dawl ġdid li jaħdem b’sorsi ta’ enerġija alternattiva biex jitneħħew il-wajers mit-toroq
- Servizz ta’ minivan li jikkumplimenta s-servizz tat-trasport pubbliku lejn iċ-ċentru tal-lokal
- Mentalità u kultura ta’ ħwienet u ristoranti pet-friendly
- Ingaġġ ta’ persuni esperti li jgħinu għaqdiet fil-lokalità biex jibbenefikaw minn fondi Ewropej
Iż-żewġ partiti ffukaw ukoll ħafna fuq is-sigurtà fil-lokalitajiet. Il-Partit Laburista qed jipproponi li l-proġett ta’ Safe City ikun estiż fil-lokalitajiet kollha, jew almenu dawk li jitolbuh.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi l-installazzjoni ta’ sistema ta’ CCTV ta’ kwalità, tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq bil-lejl u tkun esplorata l-possibilità ta’ neighbourhood watch fi nħawi ta’ ċertu lokalitajiet.