Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista aċċetta t-telfa li ġarrab il-PN u qal illi l-partit se jaħdem biex jifhem u jixtarr għalfejn dan ir-riżultat ħażin ħafna ġara.
"Eluf kbar ma vvotawx," fakkar Delia li mbagħad sostna illi l-partit jeħtieġ jifhem aħjar it-tbatijiet tagħhom.
Delia rringrazzja lil dawk li vvutaw u anke lil dawk li baqgħu d-dar u wiegħed lil dawn tal-aħħar illi se jipprova jifhem il-bżonnijiet tagħhom.
"Irridu nkunu aħjar minn qatt qabel, irridu nara aktar uċuh ġodda, iktar nies li jemmnu fil-viżjoni tagħna," saħaq Delia.
Huwa temm jgħid illi l-proċess beda imma mhu se jseħħ mil-lum għal għada, "ma nistgħu naqtgħu qalbna qatt."