Ftit mijiet ta' persuni nġabru għall-protesta organizzata minn Moviment Graffiti kontra dik li huma qed isejħulha 'l-ħakma tal-ispekulaturi.'
Matul il-protesta ħadu sehem ukoll ir-residenti tal-blokka ta' appartamenti fi Gwardamangia li l-ġimgħa li għaddiet spiċċaw evakwati, b'Raymond Brincat, wieħed mir-residenti, jistieden lil dawk preżenti biex ikantaw 'You'll Never Walk Alone' b'solidarjetà mal-vittmi.
Wayne Flask mill-Moviment Graffitti qal lill-folla li nġabret li kien hemm aktar nies minn kemm antiċipaw.
Il-protesta telqet minn quddiem l-Isptar San Luqa bid-demostranti jimxu sa quddiem l-uffiċini tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.
Graffitti sejħu għal din il-protesta wara l-aħħar tliet inċidenti li raw blokok ta' appartamenti, jew partijiet minnhom, jiġġarfu. Dawn it-tlieta kienu jinsabu biswit siti ta' kostruzzjoni.
Il-protesta spiċċat bir-residenti li spiċċaw evakwati jirrakkuntaw dak li għaddew minnu b'wieħed minnhom jisħaq li mhux se jiefqu jiġġieldu għall-ġustizzja.
Minkejja dak li ssuġġerixxa waqt Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa, Sandro Chetcuti ma deherx u lanqas ma stieden lill-attivisti biex jidħlu ġewwa.