Il-Maltin m’għadhomx l-aktar poplu kuntenti bl-ekonomija tal-pajjiż
...minn fuq nett tal-lista, il-Maltin jinżlu fir-raba’ post
minn Yendrick Cioffi
Il-Maltin ma għadhomx l-aktar poplu kuntent bis-sitwazzjoni tal-ekonomija f’Malta, anke jekk il-maġġoranza assoluta għadhom pożittivi bl-andament ekonomiku.
Stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat fl-aħħar jiem wera kif 85% tal-Maltin jemmnu li l-ekonomija f’Malta hija tajba ħafna.
Anke jekk dan il-persentaġġ huwa ħafna aktar mill-medja Ewropea ta’ 49%, minn Novembru li għadda ’l hawn, meta kien ippubblikat Ewrobarometru ieħor, Malta niżlet tliet postijiet.
Fil-fatt, iċ-ċittadini tal-Lussemburgu, tad-Danimarka u anke tal-Olanda kienu aktar pożittivi mill-Maltin dwar l-ekonomija ta’ pajjiżhom.
Sa Novembru li għadda, 95% tal-Maltin li wieġbu l-istħarriġ kienu qalu li s-sitwazzjoni ekonomika f’Malta hija tajba ħafna, jiġifieri 10% aktar minn kif wieġbu issa.
Anke jekk ukoll kien hemm tnaqqis, il-maġġoranza tal-503 Maltin li wieġbu dan l-istħarriġ saħqu li huma sodisfatti ħafna bis-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja tagħhom.
86% ddeskrivewha bħala tajba ħafna, 9% bħala ħażina ħafna filwaqt li 5% ma kinux jafu jwieġbu. Sa Novembru li għadda, 92% wieġbu li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-familja tagħhom hija tajba ħafna.
L-istess fejn jidħol l-impjieg. Il-Maltin jibqgħu sodisfatti aktar mill-medja Ewropea, iżda din id-darba l-Ewrobarometru sab inqas Maltin kuntenti bis-sitwazzjoni tax-xogħol tagħhom.
Fl-istħarriġ ippubblikat din il-ġimgħa, 64% wieġbu li huma kuntenti ħafna bix-xogħol tagħhom, 7% wieġbu bil-kontra, filwaqt li 29% ma kinux jafu x’se jwieġbu.
Sa Novembru tas-sena li għaddiet, kienu 73% tal-Maltin, li ħadu sehem fl-istħarriġ, li kienu kuntenti ħafna bis-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom.
Il-Maltin jafdaw aktar lill-Gvern u lill-EU milli lill-Parlament
L-Ewrobarometru wera wkoll li l-maġġoranza tal-Maltin jafdaw lill-Gvern Malti u lill-Unjoni Ewropea aktar milli jafdaw fil-Parlament Malti.
Filwaqt li 58% u 56% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ wieġbu li għandhom fiduċja fil-Gvern u fl-Unjoni Ewropea rispettivament, kienu 53% li wieġbu l-istess għall-Parlament Malti.
Jekk wieħed iqabbel dan l-istħarriġ ma’ dak ta’ Novembru li għadda, jirriżulta li l-fiduċja tal-Maltin fil-Gvern u fil-Parlament Malti naqset b’5% u 6% rispettivament.
Minn fost il-Maltin li wieġbu għal dan l-istħarriġ, 30% qalu li ma jafdawx lill-Parlament, 26% ma jafdawx lill-Gvern u 20% ma jafdawx lill-Unjoni Ewropea.
Il-Maltin jibqa’ għandhom ħafna aktar fiduċja fil-Gvern, fil-Parlament u fl-Unjoni Ewropea mill-medja fost il-pajjiżi membri.
Fil-fatt, jekk wieħed iħares lejn il-medja Ewropea, huma 34% taċ-ċittadini Ewropej li jafdaw lill-Gvernijiet u l-Parlamenti rispettivi tagħhom, filwaqt li l-Unjoni Ewropea tgawdi l-appoġġ ta’ 44% tal-Ewropej.
Żieda qawwija fil-Maltin imħassba bl-akkomodazzjoni u l-ambjent
Anke jekk l-immigrazzjoni baqgħet l-aktar kwistjoni li qed tħasseb lill-Maltin (49%), ħafna aktar mill-medja Ewropea ta’ 17%, interessanti kif mill-aħħar Ewrobarometru ’l hawn jidher li żdied ħafna t-tħassib tal-Maltin fuq il-kwistjonijiet tal-akkomodazzjoni u anke dawk ambjentali.
43% tal-Maltin li wieġbu l-istħarriġ saħqu li l-akkomodazzjoni hija l-akbar kwistjoni li qed jiffaċċja l-pajjiż bħalissa. Sa Novembru li għadda, 29% biss kienu għażluha bħala l-akbar kwistjoni li qed tħassibhom.
L-istess fejn jidħol l-ambjent. Fl-aħħar stħarriġ, 33% ta’ dawk li wieġbu esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-istess ambjentali. F’Novembru li għadda, 28% kienu għażlu l-ambjent.
Mistoqsija dwar liema huma l-aktar żewġ kwistjonijiet importanti li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea bħalissa, il-Maltin reġgħu għażlu l-immigrazzjoni u l-ambjent, b’numru sostanzjali jsemmu wkoll it-tibdil fil-klima.
Il-Maltin pożittivi ħafna dwar il-prezzijiet tat-telefonati meta jsiefru fl-UE
L-Ewrobarometru stħarreġ ukoll mil-liema kisbiet tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw l-aktar il-Maltin.
63% ta’ dawk li wieġbu saħqu li huma pożittivi dwar il-fatt li bbenefikaw minn prezzijiet irħas għat-telefonati mill-mowbajl meta siefru f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.
Kienu pożittivi ħafna dwar it-tisħiħ tad-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi meta jiġu biex jixtru minn stati oħra membri u anke d-drittijiet ta’ dawk li jsiefru bl-ajruplan lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Fiż-żewġ każi, 60% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ saħqu li bbenefikaw minn dawn il-kisbiet.
Anke jekk il-Maltin huma pożittivi ħafna dwar il-programm Erasmus, 16% biss ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li bbenefikaw minn studju barra l-Unjoni Ewropea, filwaqt li 15% bbenefikaw minn opportunitajiet ta’ xogħol fi stati oħra membri.
Għall-Maltin il-Moviment Ħieles huwa l-aqwa riżultat li kisbet l-UE
Il-moviment ħieles tal-persuni, il-prodotti u s-servizzi fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jibqa’ meqjus mill-Maltin bħala l-aktar riżultat pożittiv tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, minn fost dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ, 57% għażlu dan id-dritt bħala l-aqwa kisba tal-Unjoni Ewropea.
47% għażlu l-paċi bejn il-pajjiżi membri bħala l-aqwa riżultat li kisbet l-Unjoni Ewropea.
Dawk li ħadu sehem kienu wkoll pożittivi dwar il-kisbiet li l-Unjoni Ewropea għamlet bil-munita ewro (45%) u anke l-programmi Erasmus (39%).
Interessanti kif f’dawn iż-żewġ każi, il-Maltin kienu pożittivi ħafna aktar mill-medja Ewropea. Skont il-medja, 24% biss taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea kienu pożittivi dwar l-ewro u 26% biss faħħru l-programmi għall-istudenti bħall-Erasmus.
U l-Maltin kemm iħossuhom Ewropej?
Anke jekk żgħar u xi kultant tisma’ min jgħidlek li leħen il-Malti ftit jinstema’, 81% tal-Maltin li wieġbu lill-Ewrobarometru qalu li jħossuhom Ewropej, aktar mill-medja Ewropea ta’ 73%.
83% tal-Maltin jixtiequ li jkunu jafu aktar dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej, ħafna aktar minn kemm jinteressaw ruħhom il-bqija taċ-ċittadini, hekk kif il-medja Ewropea kienet dik ta’ 68%
64% tal-Maltin wieġbu li jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom ta’ Ewropej.