'Attentat ieħor biex tkun imminata l-libertà tal-assoċjazzjoni' - ALPA

L-ALPA tgħid illi l-każ li fetħet l-Air Malta biex hi tħallas għad-danni ta' strajk huwa attentat ieħor biex tkun imminata l-libertà tal-assoċjazzjoni

"Dawn il-proċeduri huma attentat ieħor biex tkun imminata l-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà li l-unjin twettaq negozjati fl-aħjar interessi tal-piloti." Hekk sostniet l-ALPA, l-assoċjazzjoni li tirrapreżenta lill-bdoti. L-ALPA kienet qed tireaġixxi għall-aħbar tal-bieraħ illi l-Linja Nazzjonali tal-Ajru fetħet każ kontra l-ALPA u l-membri tal-eżekuttiv tagħha, fejn qed titlob lill-Qorti tiddikjara l-azzjoni industrijali tax-xahar li għadda bħala waħda illegali u li tikser il-ftehim kollettiv.

L-Air Malta qed titlob ukoll lill-Qorti biex tordna lill-ALPA biex tħallas għad-danni.

"Hija wkoll," tkompli tgħid l-istqarrija tal-assoċjazzjoni, "mod kif il-gvern qed jaqta' qalb il-ħaddiema milli jinsistu illi jkunu mħarsa d-drittijiet tagħhom hekk kif imniżżlin fil-Ftehim Kollettiv"

Fl-istqarrija l-ALPA tinsisti li n-negozjati dwar l-emendi fil-Ftehim Kollettiv li jinsab fis-seħħ bħalissa, fallew minħabba l-involviment tal-Kap tal-Operazzjonijiet tat-Titjiriet tal-Air Malta Emvic Debono. 

Għal diversi drabi fl-aħħar ġimgħat l-ALPA semmiet lil Debono u insistiet illi kemm idum fin-negozjati dan il-bniedem, huma mhux lesti jinnegozjaw. L-assoċjazzjoni qed takkużah b'intimidazzjoni fuq il-membri tagħha. 

                     Aqra hawnhekk ix-xhieda ta' Debono fil-Qorti fil-każ tal-Air Malta kontra l-ALPA

Finalment l-assoċjazzjoni qalet illi se tuża l-mezzi legali kollha biex tipproteġi lill-membri tagħha.

 

More in Politika