Ġimgħa qabel ma ssir il-protesta ambjentali 'Iż-żejjed kollu żejjed,' diversi għaqdiet li se jkunu qed jipprateċipaw qalu illi se jesiġu bidla fil-politika tal-kostruzzjoni ta' pajjiżna filwaqt li jsejħu wkoll għal aktar protezzjoni ambjentali.
Nhar is-Sibt li ġej, koalizzjoni ta' għaqdiet mhux governattivi se jipprotestaw għal dak li qed isejħu bħala nuqqas ta' protezzjoni ambjentali u nuqqas ta' politika fir-rigward tal-kostruzzjoni.
Dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament, l-għaqdiet infurmaw lill-midja fuq kwistjonijiet li dwarhom se ssir din id-dimostrazzjoni fil-kapitali tal-pajjiż.
Dawk li se jipprotestaw se jkunu qed jesiġu sitt punti mingħand l-awtoritajiet: bidla fil-politika tal-ippjanar, moratorju fuq proġetti ta' skala kbira sakemm ikun introdott pjan komprensiv, ir-ristrutturar tal-bords tal-awotirtà responsabbli mill-ippjanar u l-ambjent, ir-rikonsiderazzjoni ta' proġetti ta' twessigħ ta' toroq u l-ipprijoritizzar tas-saħħa tal-poplu.
Louis Fenech minn Flimkien għal Ambjent Aħjar, qal illi bħalissa l-pajjiż qed jara l-kollass totali tar-regoli magħmulin biex ikun protett iċ-ċittadin komuni. "Għan-negozju kollox qed isir, imma mbagħad meta niġu għal politika dwar il-pompi tal-petrol, pereżempju, ilha tiġġebbed għal aktar minn sentejn."
Paul Vella, raġel li kellu lil ommu maqtula meta binja waqgħet fis-sena 2000, qal illi l-gvernijiet għandhom jirrealizzaw li dawn l-affarijiet ma jistgħux jibqgħu jiġru biex ikunu akkomodati l-iżiluppaturi. "Meta jseħħ inċident Ministru dejjem jiġi joqgħod jikkunslak, imma maż-żmien l-għajnuna li jgħidu li se jagħtu qatt ma tasal."
Alex Torpiano minn Din l-Art Ħelwa, qal illi hija inaċettabbli li l-għaqdiet non governattivi biss qed iressqu l-kwistjonijiet taċ-ċittadini. "Qed jittieħdu deċiżjonijiet taħt l-iskuża ta' politika skaduta."
Anastasia Caruana Finkel minn Friends of the Erath qalet illi f'pajjiżna qed naraw il-qerda ta' kollox.
Għad-dimostrazzjoni ta' nhar is-Sibt se jattendu 60 għaqda non governattiva, fosthom NGOs ambjentali u residenti minn lokalitajiet bħaż-Żejtun, Pembroke, Wied il-Għajn, Ħ’Attard, il-Pietà u Ħaż-Żebbuġ, sa għaqdiet kulturali, tad-drittijiet umani u tal-istudenti.