"Bil-kummenti tiegħu ma' The Telegraph, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qed juri diżrispett kbir lejn dawk il-ħaddiema u l-professjonisti kollha li l-għajxien tagħhom jiddependi mis-settur finanzjarju ta' pajjiżna.", hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM.
Delia qal li huwa diżrispett kbir ukoll li meta The Telegraph staqsew lill-Ministru dwar il-problemi fl-MFSA u problemi oħra relatati mal-ħasil tal-flus f'pajjiżna u Edward Scicluna qal li kulħadd għandu dawn il-problemi minflok ma wera li se jkun qed jindirizza dawn id-diffikultajiet b'serjetà kbira. Adrian Delia qal li jekk il-Ministru ma jinteressahx, l-eluf ta' żgħażagħ u professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarji jinteressahom mir-reputazzjoni ta' pajjiżna, liema reputazzjoni qed tiġi mtappna bl-għemil tal-Gvern li qed thedded il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżna.
Adrian Delia qal li fl-istess żmien li l-Ministru għall-Finanzi jgħaddi dawn il-kummenti, uffiċjal fl-MFSA li ngħata €150,000 biex jitlaq kmieni mix-xogħol, reġa' ingħata impjieg ġdid. Delia staqsa; 'għalfejn sar hekk?, Min awtorizza dan kollu? Min innegozja l-kuntratt il-ġdid? u min huwa responsabbli?, sabiex jingħata rendikont kif mistħoqq."
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar ir-riforma fil-liġijiet tal-kera u qal li l-problemi fis-settur tal-kirjiet ġabhom il-Gvern b'idejh stess meta għażel li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mingħajr pjan fit-tul, li qed iħalli impatt fuq il-propjetà. Dan b'każijiet dejjem jiżdiedu fejn ħafna persuni jispiċċaw jgħixu f'post wieħed. Adrian Delia qal li l-Gvern mhux se jsolvi l-problemi għal min jgħix fil-kera iżda se jżidhom, b'impatt negattiv fuq żgħażagħ li qegħdin ifittxu li jixtru propjetà u fuq anzjani li bit-tibdil fil-liġi se jaraw li se jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun proattiv biex jipproponi soluzzjonijiet li ma jgħabbux il-problemi li ħoloq il-Gvern fuq il-privat, imma fl-istess waqt jagħti tama lil min qed ifittex daru.