Id-Deputat Prim Ministru u kandidat għall-Mexxej Laburista Chris Fearne ma deherx iddispjaċut bil-kummenti li għadda fl-aħħar jiem dwar il-Partit Nazzjonalista.
F’attività bħala parti mill-kampanja tiegħu, Fearne ħalef li sakemm hu jdum ħaj il-PN mhux se jerġa’ jkun fil-Gvern u saħaq li fuq il-qabar tiegħu jrid il-kliem RIPN.
Mistoqsi jekk jaħsibx li dawn huma kummenti diviżivi, Fearne qal biss li bl-Ingliż jissejħu tongue-in-cheek, waqt li insista li jekk ikun Prim Ministru, il-prijorità tiegħu se tkun li jgħaqqad il-pajjiż.
Fearna qal dan ma’ ġurnalisti tal-MaltaToday meta dalgħodu nieda vaċċin ġdid li se jibda joffri l-Gvern bil-għan li jippreveni l-kanċer fl-ultru.
“Huwa ċar li jekk il-PL jagħtini l-fiduċja, waħda mill-ewwel prijoritajiet ta’ Prim Ministru ġdid ikun li jgħaqqad il-pajjiż,” saħaq Fearne waqt li fakkar li hu diġà wiegħed li jsejjaħ konferenza tas-Saltna tad-Dritt li tkun tinkludi wkoll rappreżentanza tal-Oppożizzjoni. “Dan mhuwiex mument partiġġjan iżda mument li ningħaqdu flimkien.”
Dwar il-kummenti tiegħu, insista li bħala Mexxej tal-Partit Laburista huwa jrid jara wkoll li l-PL jibqa’ partit b’saħħtu u organizzat u f’pożizzjoni li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.