F’stqarrija li ħarġet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) qalet li espremiet dispjaċir meta saret taf li numru ta’ individwi kienu qed jarmu skart tal irziezet fis-sistema tad-drenaġġ ta’ Għawdex.
Il-WSC żiedet tgħid li dan qed jiġri minkejja li l-bdiewa kollha f’Għawdex issa għandhom aċċess għal “faċilita żviluppata mill-speċjalisti tagħha, xjenzati u inġiniera li permezz tagħha, id-demel likwidu huwa pproċessat b’mod li jirrispetta l-ambjent.”
Hi qalet li din is-sistema, flimkien ma’ investimenti oħra li jammontaw għal mijiet ta’ eluf ta’ ewro rriżultaw f’ibħra aktar nodfa għall-benefiċċju tal-popolazzjoni in ġenerali.
Ma dan żiedet tgħid li l-evidenza kollha li ġabret kienet ippreżentata lill-pulizija flimkien ma’ rapport.
Il-Korporazzjoni kkonkludiet l-istqarrija tagħha billi qalet li se tieħu miżuri qawwijin biex tissalvagwardja l-infrastruttura tagħha u l-benessri tal-ħaddiema tagħha u l-ambjent.