Issa uffiċjali: Robert Abela huwa l-Prim Ministru l-ġdid ta' Malta
Il-Prim Ministru l-ġdid jgħid li se jkompli jħares ‘il quddiem biex jaħdem għall-ġid tal-pajjiż
minn Nader Kabar
Robert Abela nħatar Prim Ministru b'mod uffiċjali hekk kif ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President, fil-Belt Valletta.
Huwa wasal għall-għajjat u ċ-ċapċip ta' folla preżent li bdiet tgħajjat 'Robert, Robert' u 'Robert tagħna l-mexxej'.
Preżenti kien hemm il-Ministri kollha għajr Chris Fearne, uffiċjali tal-Gvern fosthom Neville Gafa' kif ukoll il-Kummissarju tal-Films Johann Grech.
Dan jagħmel lil Abela t-tmien Prim Ministru mill-Indipendenza lil hawn. Dan is-sit ippubblika ħarsa ħafifa lejn kull wieħed minn dawn il-Prim Ministri hawnhekk.
Huwa l-14 -il Prim Ministru minn kemm ilha teżisti din il-kariga.
Rebħa kbira għal Robert Abela fil-Partit Laburista
Dan qed iseħħ wara li f'riżultat xi ftit jew wisq sorpriża, Abela rebaħ 58% mis-16,216-il vot ta' membri tal-Partit Laburista. Barra minn hekk, Abela rebaħ kważi kull kaxxa tal-vot li nfetħet is-Sibt waqt l-għadd tal-voti. Dan jinkludi l-ewwel kaxxi tar-raba' distrett, li hu meqjus bħala d-distrett ta' Chris Fearne hekk kif fl-elezzjoni tal-2017 hu kiseb 5,405 voti. Dan ifisser li Fearne kien l-aktar kandidat popolari f'dawn il-lokalitajiet li jinkludu Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Mill-votanti eleġibbli, 92% tal-membri vvutaw. Minn dawn il-votanti, Robert Abela kiseb 9,342 vot, filwaqt li Chris Fearne kiseb 6,798 vot.
Il-Ħadd filgħodu, ftit wara li rebaħ l-elezzjoni, il-Prim Ministru l-ġdid qal li hu se jkompli jħares ‘il quddiem biex jaħdem għall-ġid tal-pajjiż.
L-Isqfijiet jawguraw koperazzjoni ta' rispett bejnhom u l-PM Abela
L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex awguraw kull ġid u barka lill-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta, filwaqt li awguraw ukoll li l-ħidma u l-koperazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat ikomplu fi spirtu ta’ rispett tal-awtonomija reċiproka u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni għall-ġid komuni.
L-istqarrija tal-Kurja qalet illi l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Joseph Galea-Curmi qed jagħmlu appell lill-Insara kollha f’pajjiżna biex jitolbu għal dawn l-intenzjonijiet
Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid li Abela għandu triq iebsa quddiemu
Fi stqarrija li ħarġet l-Kamra tal-Kummerċ (MCOC) esprimiet sodisfazzjon għar-rebħa ta' Abela. Il-Kamra qalet li kienet qed tistenna bil-ħerqa għal bidla fil-pajjiż. L-MCOC żiedet tgħid li l-Prim Ministru kellu jibda proċess twil ta' bidla fl-istruttura tal-pajjiż. Dan minħabba li r-reputazzjoni ta' Malta hija imkissra u allura l-kumpaniji kienu qed ibatu bl-abbużi ta' nies oħrajn, sostniet l-MCOC.
L-MCOC qalet li kienet qed tistenna li jkollha laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela li fiha trid tippreżenta 65 proposta li hi tgħid illi se jgħinu biex isolvu il-problema ta' governanza fil-pajjiż.
Il-Malta Dockworkers Union tfaħħar ir-rebħa ta' Robert Abela
Fi stqarrija li ħarget il-Malta Dockworkers Union (MDU) awgurat lil Abela għas-suċċess fil-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru.
Ma' dan, l-MDU żiedet tgħid wkoll li hi kienet konvinta li "l-kwalitajiet u l-valuri sodi li huwa jħaddan kif ukoll il-kapaċitajiet intelletwali tiegħu ser ikunu s-sisien għal iżjed ħidma sinċiera u fejjieda, għal iżjed suċċessi".
Barra minn hekk l-MDU żiedet tgħid li hi kienet se tkompli taħdem għall-membri tagħha u li se żżom djalogu mal-Prim Ministru l-ġdid.
Irrid ikun innutat li l-President Emeritus George Abela għal xi żmien kien jirrapreżnta lill-Malta Dockworkers Union bħala avukat. Il-Malta Dockworkers Union twaffqet fl-2006, wara li madwar 312-il ħaddiem tal-portijiet daħlu fil-Union il-ġdida, wara li telqu mill-GWU.
'Issa huwa ż-żmien li nimxu 'l quddiem' - MHRA
L-MHRA sostniet illi xejn m'għandu jittieħed for granted u qalet illi wara l-maltempata hemm ċans li Malta toħroġ aktar b'saħħitha.
"Issa huwa żmien li nimxu 'l quddiem. L-elezzjoni ta' Abela bħala Prim Ministru ġdid huwa l-ewwel pass."
L-MHRA qalet li l-priorità ta' Abela għandha tkun li jibni l-kunfidenza mill-ġdid fl-istituzzjonijiet. "Abela għandu jkompli jibni fuq is-sisien ekonomiċi u soċjali b'saħħithom li wiret filwaqt li jirranġa d-defiċjenzi li deheru fl-aħħar xhur."
Mill-perspettiva ta' turiżmu l-MHRA qalet illi hemm bżonn li l-Ministri l-ġodda tal-Kabinett jikkonċentraw fuq strateġija li ttejjeb il-kundizzjonijiet sostenibbli għall-ekonomija u l-eżekuzzjoni tas-saltna tad-dritt.
Arnold Cassola jistqasi mistosija importanti
Fi stqarrija li bagħat Arnold Cassola staqsa jekk Robert Abela kienx se jkompli jiffinanzja lill-Sandro Chetchuti permezz ta' konsulenzi mill-Gvern. Il-Gvern kien ta madwar €125,000 lill-fondazzjoni 'Property Malta Foundation' li għandha konnessjoni mal-Malta Developers Association.
Cassola kkonkluda l-istqarrija tiegħu billi reġa' staqsa jekk Abela hux se jkompli jagħti dawn il-fondi u li jkun ħafna aħjar jekk dawn il-flus jingħataw lin-nies u l-familji affetwati minn dak li ddeskriva bħala negliġenza tal-iżviluppaturi.
Intant dalgħodu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat xerred ritratt fuq Instagram tal-familja tiegħu flimkien mal-familja ta' Robert Abela.