Intervista | L-industrija li ħalliet €40 miljun f’but il-pajjiż ... ir-raġel fit-tmun jitkellem
L-industrija tal-films qed tikber però tista’ tkun ħafna ikbar. Is-sena l-oħra biss daħħalna €40 miljun, saru 455 laqgħa barra mill-pajjiż u 66 producer ġew pajjiżna biex jaraw x’noffru. Il-gazzetta ILLUM tintervista lil Johann Grech
minn Albert Gauci Cunningham
L-industrija tal-films ma bdietx ilbieraħ fil-pajjiż. Films li saru, jew li saru partijiet minnhom Malta kellna u ħafna wkoll. Min ma jiftakarx il-Port il-Kbir daqslikieku l-port ta’ Marsilja fil-film li jgħid l-istorja tal-Konti ta’ Monte Kristo? Jew it-torri ta’ Santa Marija fuq Kemmuna bħala Chateau D’If, il-ħabs li jissemma f’diversi novelli ta’ Alexander Dumas? U min jista’ jinsa l-pjazza ta’ Buġibba u l-madwar mibdul kompletament f’sett tal-film Munich, f’xena f’Ċipru? U jekk immorru lura sew fiż-żmien, min jista’ jinsa’ l-films klassiċi Midnight Express tal-1978 b’atturi Maltin, bħall-mibki Joe Zammit Cordina li kien ħadem ukoll f’film ieħor li nħadem Malta, ‘Pulp’ tal-1972 li fih Michael Caine kien wieħed mill-atturi prinċipali? U finalment tiftakru dawk l-extras Maltin kollha fil-film Gladiator ta’ Ridley Scott u Troy?
Imma dawn kollha huma sinjal tal-glorja ta’ din l-industrija fil-passat? L-industrija tal-films mietet? Hemm min qed jagħtiha direzzjoni?
Żgur li ma mititx, anzi għaddejja b’pass mgħaġġel u hemm tim sħiħ li qiegħed jimbotta titjib infrastrutturali u viżjonarju, immexxi minn Johann Grech, Kummissarju fil-Kummissjoni Maltija tal-Films.
Ħafna laqgħat u flus
Mhux talli hemm pjan, talli f’intervista ma’ din il-gazzetta l-istess Grech jgħid li fl-2019 ġew Malta 21 produzzjoni, l-industrija ġġenerat €40 miljun, kellu 455 laqgħa ma’ producers differenti u kellu madwar 66 producer jew diretturi li wrew interess biex jaħdmu f’pajjiżna fiż-żmien li ġej u li ġew pajjiiżna biex jaraw Malta x’toffri.
‘Malta dejjem attirat films kbar’
Grech issa ilu sentejn Kummissarju. Nibdew l-intervista billi nistaqsuh minn fejn telaq u x’wettaq mat-triq f’dan il-perjodu?
Grech jinsisti mal-gazzetta li hu ma jrid l-ebda mod jitfa’ f’dell lill-eks Kummissarju Engelbert Grech. Qal iżda illi meta hu beda kien hemm industrija staġjonali ħafna.
“Malta dejjem attirat films kbar,” ifakkar Grech li jfakkar ukoll illi l-industrija tal-films ilha mal-100 sena attiva u jelenka lista ta’ produzzjonijiet li saru f’pajjiżna.
Johann Grech hawnhekk jgħid illi fl-2019 il-Kummissjoni tal-Films kellha 21 produzzjoni għaddejja.
Imma dawn huma żgħar, mhux hekk? Tistaqsi din il-gazzetta.
“Mhux kemm huma kbar jew żgħar. Dawn flimkien ħallew madwar €40 miljun fl-ekonomija Maltija. Aħna rridu industrija li taħdem is-sena kollha,” sostna Grech.
“Ma ridniex industrija li taħdem bl-iskossi,” saħaq il-Kummissarju. “Ma rridux sitwazzjoni fejn ikollna film wieħed kbir imbagħad jieqaf kollox għal xi żmien ma jkunx hemm film wieħed u ma jkollniex xogħol,” sostna Grech.
Huwa qal illi l-Kummissjoni qed taħdem biex l-industrija tkun waħda back-to-back u allura jkollha diversi xogħlijiet fl-istess ħin “pereżempju f’Ottubru kellna ħames produzzjonijiet fl-istess ħin. Allura kellna aktar xogħol għan-nies marbutin ma’ din l-industrija.”
Huwa jgħid li filwaqt li hemm 10 min-nies jaħdmu mal-Kummissjoni, hemm għexieren oħrajn li jaħdmu f’din l-industrija, minn dawk li jibnu x-xenarji sal-artisti tal-make up u diversi fornituri.
“Fl-2019 kellna 66 spezzjoni f’Malta minn producers differenti,” jgħid b’ċerta element ta’ kburija u sodisfazzjon.
‘Qed nibnu industrija ta’ livell dinji’
Huwa fakkar li bħala pajjiż aħna għandna ħafna x’noffru. “Biżżejjed niftakru li bħala pajjiż irrappreżentajna n-Nofsinhar ta’ Franza f’Count of Monte Cristo, Spanja fil-film Genius u Assasins Creed, Iżrael f’World War Z u l-Greċja fi Troy.”
“Aħna qed nibnu industrija tal-films ta’ livell dinji,” fakkar Grech.
“Jiena b’kollox kelli 455 laqgħa barra minn Malta f’sena waħda biss. Kollha ma’ producers u studios fejn nitkellmu dwar dak li joffri pajjiżna,” jinsisti Grech.
Hu jfakkar li f’industrija daqstant volatili wieħed irid jaħdem għas-snin li ġejjin, mhux għal din is-sena biss. Għalhekk nemmen li r-riżultati mhux se jidhru llum imma matul iż-żmien.
“Ma kellniex blockbusters fl-2019, imma kellna biżżejjed xogħol biex nibqgħu għaddejjin, biex dawk kollha li jmissu mal-industrija baqgħu jaħdmu,” sostna Grech.
Huwa qal illi sar l-ewwel film ta’ Netflix f’Malta, li huwa produzzjoni Taljana: ‘La isola della rosa’.
Il-Kummissarju jgħid illi din il-produzzjoni ġiet Malta biex tuża l-faċilitajiet tat-tankijiet li jfakkar illi huma l-uniċi fl-Ewropa u t-tieni l-akbar fid-dinja.
“Il-Gvern reġa’ qed jinvesti fil-faċilitajiet tal-films għall-ewwel darba f’madwar 40 sena,” qal Grech.
Huwa qal illi l-kontnwità hija importanti għal din l-industrija fraġli u sostna illi l-esperjenza tal-producers f’pajjiżna hija waħda pożittiva ħafna.
“Kulħadd ifaħħar lil Malta għax minn hawnhekk ikollhom esperjenza sabiħa. Mhux biss għax għandna dawn it-tankijiet imma għax għandna talent kbir,” jisħaq hekk kif ifakkar li l-Maltin bnew iż-żiemel ta’ Trojja fil-film Troy, is-settijiet għal Agora u l-Kolossew għal Gladiator. Jgħid illi bħalissa qed isir film bibbliku, tip ta’ film li hu komuni f’Malta.
‘Meta lħaqt, għidt lill-Gvern li hawn bżonn investiment’
Huwa jsemmi l-importanza li l-post, li jinsab relattivament f’telqa, ikun irriġenerat.
“Meta lħaqt, kont għidt lill-Gvern li hemm bżonn isir investiment. Sar baġit għal dan l-investment, biex ikollna film studjos ġodda,” qal Grech.
F’dan il-punt ħareġ ktejjeb illi fih kien hemm diversi pjanti li juru l-proġett ġdid li jara riġenerazzjoni kompleta u totali tal-film studjos, b’uffiċini ġodda, sound stages u titjib ġenerali infrastrutturali fiż-żona kollha, definittivament titjib li hemm bżonn.
“Aħna nixtiequ li jkollna sound stages u suppost se jkollna l-ewwel sound stage wara li joħroġ il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar,” qal il-Kummissarju.
Huwa spjega kif huwa importanti ħafna li l-pajjiż ikollu sound stage biex b’hekk il-prodott jitjieb.
Nistaqsuh iżda biex jispjega x’inhuma sound stages u kif se jagħmlu l-prodott aħjar.
“Kif diġà għidt Malta hija magħrufa għat-tankijiet u għas-siti. Imma meta jkollok sound stage, li huwa bħal warehouse kbira ta’ madwar 35,000 pied kwadru, li fih tista’ tiġbed dawk ix-xeni kollha tal-film li jseħħu ġewwa.”Gre jgħid illi kif inhuma l-affarijiet sal-lum qed isir xogħol fuq lokazzjonijiet barra però fejn jirrigwarda ġewwa, il-producers qed ikollhom ifittxu pajjiżi oħrajn. Jgħid illi bil-proġett ta’ sound stages, il-producers jistgħu jibqgħu pajjiżna u jwettqu l-proġett kollu.
“Il-viżjoni tiegħi hija li tinħoloq industrija tal-films ta’ livell dinji.”
Il-Gvern b’baġit ta’ €3 miljuni
Huwa semma kif Malta għandha l-aqwa reġim ta’ miżuri finanzjarji magħmulin biex jattiraw films lejn pajjiżna u jfakkar illi bi skema li beda hu stess il-producers qed jingħataw, jekk jissodisfaw il-kriterji, rifużjoni ta’ 40% ta’ dak li jkunu nefqu. Din l-inizjattiva, qabel, kienet ta’ 25%+2%.
Din il-gazzetta tistaqsi kemm jalloka flus il-Gvern. Grech iwieġeb €3 miljun, li jammetti illi mhumiex biżżejjed.
Huwa aċċerta illi għall-Gvern din l-industrija hija ferm importanti, imma hemm ħafna aktar xogħol xi jsir biex tissaħħaħ.
Huwa qal li hemm bżonn isir tindif taż-żona, pereżempju biex jitneħħa kull tip ta’ skart li ntrema fiż-żona.
Mistenni film kbir ... imma Johann kawt
Allura qed nistennew xi film blockbuster għal din is-sena?
Donnu se jitfixkel u daħkan jikkonferma li hemm diskussjonijiet għal proġett kbir għalkemm ikun kawt u jibqa’ lura milli jsemmi ismijiet hekk kif jikkonferma li negozjati jinsabu fi stadju avvanzat. Hu fakkar illi meta n-negozjati jkunu waslu fl-istadju avvanzat, li waslu, huwa importanti li wieħed joqgħod attent.
Grech ifakkar li wieħed ma jkejjilx biss bil-flus imma anke bl-isem tal-istess produzzjoni.
Sostna illi fl-aħħar sentejn kien hemm titjib konsiderevoli fir-riżultati, bil-flus li l-industrija ħalliet fl-ekonomija jirduppjaw kull sena.
Il-gazzetta tistaqsi jekk hemmx baġit għal produzzjonijiet lokali bi Grech iwieġeb fil-pożittiv għalkemm jgħid illi l-allokazzjoni hija biss ta’ €600,000.
“L-industrija lokali għadha żgħira imma dan ma jfissrix li m’għandniex talent, anzi!” sostna Johann Grech.
Hu jfakkar illi kemm ilu fil-kariga intorduċa direttorju biex l-industrija tinfetaħ u ma tibqax magħluqa għal ftit.
“Permezz ta’ dan id-direttorju ħloqna lista ta’ nies li nagħtu lill-producers u li fiha nies u kumpaniji differenti marbutin mal-industrija,” jgħid Grech.
“Illum kulħadd għandu dritt ikun parti minn din l-industrija,” sostna Johann Grech.
Il-Gvern se jibqa’ jinvesti ...
Jiġri x’jiġri Grech huwa ċert li l-Gvern preżenti se jkompli jinvesti f’din l-industrija u li din se tibqa’ tingħata l-attenzjoni li tant jeħtiġilha. “Se tibqa’ tingħata l-attenzjoni u tkun prijorità.”
Temmejna l-intervista b’togħma ta’ dak li għadu ġej u dak li tant għad irid iseħħ f’din l-industrija hekk eċitanti li tant għad hemm x’ninvestu fiha jekk verament nixtiequ neċċellaw u nkomplu nibnu fuq il-ħidma tal-Kummissjoni Maltija tal-Film immexxija minn Johann Grech u tim dinamiku, frisk u enerġetiku miegħu.