Deċiżjoni fuq ir-riklamazzjoni tal-art waħda mill-prijoritajiet ta’ Farrugia
Kien il-Ministru stess li stqarr dan mal-gazzetta ILLUM
More in Politika
Kien il-Ministru stess li stqarr dan mal-gazzetta ILLUM
“Hemm deċiżjonijiet x’jittieħdu fl-ambjent. Huma deċiżjonijiet diffiċli, imma jiena se neħodhom.”
Hekk sostna ma’ din il-gazzetta l-Ministru l-ġdid għall-Ambjent, Ippjanar u Bidla fil-Klima Aaron Farrugia.
L-ILLUM staqsiet lil Farrugia x’se jkunu l-ewwel prijoritajiet tiegħu f’Ministeru hekk kbir b’entitajiet kontroversjali.
“Ċar ħafna dak li jeħtieġ isir,” wieġeb mill-ewwel. “Hemm ħafna politiki li qed jistennew biex ikunu riveduti u deċiżjonijiet diffiċli li tħallew lura. Jiena se nieħu d-deċiżjonijiet u se nibda b’dawn il-politiki b’mod immedjat,” saħaq il-Ministru Farrugia.
Misqtosi jispeċifika, hu semma’ l-politika tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-pompi tal-petrol, ir-riklamazzjoni tal-art, skart ta’ kostruzzjoni u proġetti ta’ enerġija mill-iskart. “Dawn kollha kwistjonijiet kontroversjali, iżda jiena se niddeċiedi,” saħaq Farrugia.
“Se nkun qed niftaħ konsultazzjoni wiesgħa ma’ dawk kollha li għandhom xi forma ta’ interess fis-suġġetti. Se nisma’, niddiskuti, imma mbagħad nemmen li wasal iż-żmien biex niddeċiedi.”
Farrugia se jmexxi Ministeru li mill-ġdid qed jgħaqqad l-ambjent mal-ippjanar, żewġ dekasteri li qabel kienu separati – l-ambjent taħt Josè Herrera u l-ippjanar taħt Ian Borg.