Tmiem ħażin għal sena tajba ħafna għat-turiżmu mill-cruises

L-aħħar kwart tal-2019 tara tnaqqis ta' 13% fil-passiġġieri li ġew Malta bi cruise, f'sena li rat żieda ta' 21%

Fl-aħħar kwart tas-sena ġew pajjiiżna, 166,859 turist permezz ta' cruise liners, tnaqqis ta' kważi 13% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta' qabel. 

Dan kien minħabba li f'dawn l-aħħar xhur tas-sena ġew pajjiżna 86 vapur, disa' inqas mill-2018.

Minn dawk li ġew pajjiżna permezz ta' cruise fl-aħħar kwart tas-sena, 97,940 persuna kienu Ewropej, l-aktar Ġermaniżi, Taljani, Brittaniċi jew inkella Franċiżi. 

Minkejja tnaqqis lejn l-aħħar tas-sena, matul l-2019 kollha il-pajjiż esperjenza żieda qawwija ta' 21% f'turisti li ġew Malta bi cruise liner meta mqabbel mal-2018. Fil-fatt matul is-sena ġew pajjiżna b'kollox 765,696 turist b'dan il-mod.

L-akbar żidiet kienu ta' turisti mill-Ġermanja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit. 

Il-maġġoranza, jew 54.1% tal-passiġġiera kienu nisa kif ukoll dawk fl-etajiet ta' bejn 60 u 79 sena, b'298,000 b'kollox. 

 

More in Politika