Illum għall-ħabtra tas-2:00 p.m il-Pulizija ġiet infurmata minn xi ġirien li kienu qed ixommu riħa mhux tas-soltu ħierġa minn appartament li jinsab f’Misraħ Dorell, Santa Luċija.
Il-Pulizija kienet infurmata wkoll li persuna li toqgħod fl-istess appartament kienet ilha ma tidher fil-pubbliku għal xi jiem. Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid u flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili daħlu fil post indikat u fl-art, fil-kamra tal-banju, instabet persuna bla ħajja mgeżwra f’boroż tal-plastik suwed.
Minħabba l-istat li nstab fih il-kadavru, dan ittieħed fil-kamra mortwarja sabiex jissoktaw linvestigazzjonijiet u tkun stabbilita l-identità, kif ukoll biex ikun ikkonfermat jekk il-persuna maqtula hiex l-istess persuna li tgħix fl-appartament u li kienet ilha ma tidher.
L-investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilità d-dinamika ta’ dan il-każ għadhom għaddejjin. Dak il-każ qed jitmexxa mill-Pulizija mill-Iskwadra tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret
diversi esperti sabiex jassistuha.