L-industrija tal-avjazzjoni titlob għal għajnuna urġenti mill-UE biex issalva f'din il-kriżi

Diversi assoċjazzjonijiet Ewropej tal-avjazzjoni jitolbu l-għajnujna f'dik li jsejħulha "kriżi ta' likwidità"

L-Assoċjazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-industrija tal-Avjazzjoni fl-Ewropa qed jappellaw lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri ta' dan il-blokk politiku biex jipprovdu appoġġ kemm jista' jkun malajr lil din l-industrija "li tinsab kompletament wieqfa u qed tiġġieled biex issalva f'din il-kriżi tal-Covid-19." 

Dawn l-assoċjazzjonijiet fakkru illi l-avjazzjoni huwa settur vitali għall-ekonomija Ewropea u għax-xogħol.  Filwaqt li faħħru l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea, qalu wkoll li din jeħtieġ tiftakar li hemm swieq li mhumiex qed joperaw u allura li għandhom bżonn l-għajnuna b'mod immedjat. 

"L-Ewropa jeħtieġ tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tassigura vijabilità f'din il-kriżi ta' likwidità biex tassigura li din l-industrija tibqa' tiffunzjona, biex tipproteġi l-ħaddiema fil-qasam, biex tipproteġi lill-klijenti u biex tirrestawra l-konnnettività." 

L-assoċjazzjonijiet fakkru li din l-industrija tħaddem 12-il miljun ħaddiem u toħloq €800 biljun fl-ekonomija Ewropea.  Dan jammonta għal 3.3% tal-impjiegi kollha fl-Ewropa u 4.1% tal-Prodott Gross Domestiku fl-Ewropa. 

Din l-istqarrija kienet iffirmata minn Airlines for Europe (A4E), Airline Catering Association (ACA), Airports Council International (ACI EUROPE), Airport Services Association (ASA), The European Travel Agents’ and Tour Operators’ Associations (ECTAA), European Regions Airline Association (ERA), European Travel Retail Confederation (ETRC) and EU Travel Tech (EUTT).

Il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Ivvjaġġar u Turiżmu Maltija (FATTA) hija membru tal-ECTAA

 

More in Politika