'Din diskriminazzjoni f'pajjiżi stess. Ma jaċċettawx li jikruli għax Maltija'
Mara Maltija tiġi rifjutata minn sid ta' proprjetà għall-kiri għaliex hija Maltija. Douglas Salt jgħid mal-ILLUM li mhuwiex sorpriż illi qed tiġri din u li l-MDA kienu diġa wissew lill-Gvern ...
minn Albert Gauci Cunningham
Ta' sikwit konna niddiskutu kif bosta sidien ta' appartamenti ma kinux jikru lil persuni Għarab, imbagħad iktar kemm daħal fil-pajjiż il-fenomenu tal-immigrazzjoni iktar bdiet reżistenza, għall-bidu, biex jinkrew postijiet lil persuni Afrikani.
Fenomenu kompletament ġdid iżda - għalkemm sa issa mhux mifrux - huwa dak li sidien ma jaċċettawx li jikru l-proprjetà tagħhom lil Maltin.
Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma' mara li propju għaddiet minn din l-esperjenza u turina nies oħrajn li għaddew minn din l-esperjenza u li tkellmu fuq il-midja soċjali. Douglas Salt mill-Malta Developers' Association (MDA) li tirrapreżenta lis-sidien mhux talli ma jiċħadx talli jgħid li mhux sorpriż li qed iqum dan il-fenomenu.
'Għax Malti ma tkeċċiehx kif ġieb u laħaq'
"Qed infittex biex nikri, kif għidt lil aġenzija partikolari li jiena Maltija qalli le ta, Maltin ma naċċettawx. Mela fejn se mmur ngħix jiena? Ma nistax imur lura pajjiżi kif hawn minn jgħid li l-barranin għandhom jagħmlu għax jiena Maltija," tispjega l-mara mal-ILLUM pjuttost imbikkma.
"Taf għalfejn ma jridux ? Għax il-Maltin ma tkunx tista' tkeċċiehom kif ġieb u laħaq," sostniet - issa rrabjata.
"Din diskriminazzjoni, trid tieqaf. Mhux sew!"
Mistoqsi minn din il-gazzetta Salt jgħid li sfortunatament is-sid għandu dritt ma jaċċettax lil xi ħadd għab-bażi ta' reliġjon, nazzjonalità... jew għal raġunijiet oħrajn u dan minkejja li kważi f'kull qasam saru liġijiet favur l-ugwaljanza. "Ma togħġobniex is-sitwazzjoni, imma tista' tiġri," jgħid Salt.
Mistoqsi imma dwar il-fatt li issa Maltin stess mhumiex qed jitħallew jikru Salt qal li jekk qed tiġri mhuwiex sorpriż. "Konna avżajna lill-Gvern li n-nies mhux se jkunu daqstant ħerqana li jikru lil Maltin, għax il-liġi hija magħmula b'mod li tiżvantaġġja lis-sidien u favur min jikri."
Nistaqsu lil Douglas Salt dwar dak li qalet din il-mara li kkwotajna qabel, meta saħqet li uħud mhux qed jikru lill-Maltin għax 'ma jistgħux jeħilsu minnhom', x'jaħseb? B'xi ftit ta' sorpriża Salt jammetti li dan jista' jkun l-każ; "Iva għax Malti jgħidlek se ntellgħak it-tribunal, barrani mhux se jagħmel daqstant reżistenza - avolja għandu eżatt l-istess drittijiet. U hemm il-fatt ukoll illi barrani ġeneralment jikri aktar short term u allura jekk ikun hemm problema s-sid ikun jaf li dan mhux se jdum."
Salt jiċċara li hu jew l-assoċjazzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni, għalkemm jammetti li hemm żewġ realtajiet li qed ipoġġu lill-Maltin fi żvantaġġ. "L-ewwelnett għad hemm min huwa bil-mentalità li lil Malti ma tikrilux għax jibqa' hemmhekkk u jirreżisti li jitlaq u kif saret il-liġi jekk ma tavżax tliet xhur qabel il-kuntratt jagħlaq li se twaqqaf il-kuntratt, awtomatikament jiġġeded għal sena."
Salt ikompli jgħid illi t-tieni raġuni hija li ħafna kuntratti qed isiru sena b'sena, wara l-introduzzjoni tal-liġi - biex b'hekk is-sidien ikollhom l-inqas perjodu li fih jistgħu jagħtu avviż ta' tmiem ta' kuntratt. "Ħafna Maltin mhux se jaċettaw kuntratti ta' sena biss."
Huwa jtemm jgħid ukoll li bil-liġi kif saret jekk waqt kuntratt ta' ħames snin wieħed jiddeċiedi li jsib post ieħor, jista' jagħmel dan mingħajr tfixkil. "Qabel jekk tagħmel hekk titlef id-depożitu."
'Il-biki li qed nibki kuljum ...'
Intant iżda din il-mara tgħid illi ta' kuljum qed tibki biki kbir, ma tafx fejn se tagħti rasha.
Il-problema hija li din il-mara Maltija marret tgħix barra u meta ġiet lura u kellha 27 sena, marret tikri. Sabiex l-ispiża tinqasam hi kienet tikri dar ma' nies oħrajn li kienu jiġu jistudjaw pajjiżna. Minħabba dak li qed jiġri bħalissa, kulħadd mar lura pajjiżu u din spiċċat tikri proprjetà li l-kirja tagħha hija ogħla mill-paga li għandha.
"L-unika risposti li kelli sa issa kien minn sidien ta' xi studio flat b'xi €600 fix-xahar. Ara bil-pagi li għandna hawnhekk kif tista' tħallashom dawn! Mhux kulħadd jista' joqgħod ma' ommu u jġemma."
Hi qalet illi li sid jgħidilha li ma jistax jikrilha minħabba l-żewġ qtates tifimha, imma mhux li ma jistax jikrilha għax Maltija.
"Din qatt ma smajt li tiġri imkien ieħor u kont ngħix barra, aħna rridu nkunu."