L-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-tobba saħqet li hija ddiżappuntata bil-kummenti tal-Prim Ministru għax fi kliemha dan tefa’ t-tort taż-żieda fil-każi tal-COVID-19 fuq l-immigranti.
“Mhux sew li jaħbi t-tort tiegħu billi jweħħel fl-immigranti,” saħqu t-tobba.
Insistew li kienu l-permessi għall-attivitajiet tal-massa kontra l-pariri tal-esperti u tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li kkawżaw iż-żieda fil-każi u mhux l-immigranti għax dawn tpoġġew immedjatament fi kwarantina.
Fil-fatt, ikomplu jgħidu t-tobba, l-informazzjoni pprovduta miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-mard, ma tinkludix lill-immigranti u l-graph turi ċar u tond li hemm żieda fil-każi fl-aħħar ġimagħtenjn.
Meta kien qed ikun intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru Robert Abela assigura li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u li ma hemmx bżonn allarm.
“In-numri telgħu minħabba li salvajna l-immigranti. Illum għandna ftit inqas minn nofs il-każijiet kollha li huma immigranti rregolari u mhumiex fil-komunitajiet. Mhux ġustifikazzjoni imma rajna li filwaqt li salvajna l-ħajjiet ma pperikolajniex il-ħajjiet tal-Maltin u t-turisti li għażlu jżuru lil pajjiżna,” insista l-Prim Ministru.